“Dokumenti tal-Gvern f’Għawdex għandhom jiġu rritornati”

Il-Ministru għal Għawdex, Justyne Caruana, saħqet li d-dokumenti governattivi relatati mal-gżira ta’ Għawdex, għadhom jerġgħu jsibu posthom Għawdex.
Dan qalitu fid-diskors tagħha waqt il-ftuħ ta’ wirja ta’ akkwarelli storiċi tan-Nutar Antonio Portelli fl-Arkivju Nazzjonali ta’ Għawdex.
Filwaqt li wriet l-apprezzament tagħha għall-ħidma li qed issir fl-Arkivju, esprimiet id-dispjaċir li dokumenti importanti minn xi entitajiet f’Għawdex ittieħdu lejn Malta u ma reġgħux irritornaw Għawdex.
Stqarret ukoll li hemm bżonn binja iktar adegwata u spazzjuża għall-Arkivju,  li min-natura tiegħu dejjem qiegħed jikber.
In-Nutar Portelli kien jipprattika l-professjoni tiegħu f’Għawdex bejn l-1839 u l-1877. Hu kien iqatta’ l-ħin liberu tiegħu jżejjen il-paġni ta’ quddiem ta’ xi wħud mill-volumi notarili tiegħu b’disinni tal-linka u akkwarelli.
L-Assistent Arkivist Nazzjonali u l-persuna responsabbli mis-Sezzjoni ta’ Għawdex Dr Joseph Bezzina, qal li tul id-29 sena li ilu mwaqqaf, l-Arkivju ta’ Għawdex għen biex jiġu salvati eluf ta’ dokumenti li kienu se jintilfu.
Hu appella għal iktar għarfien tar-rwol tal-Arkivju Nazzjonali fil-gżira ta’ Għawdex u biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja għar-restawr tad-dokumenti u ħtiġijiet oħra.
L-Arkivist Nazzjonali Dr Charles Farrugia ppreżenta lill-Ministru ġabra ta’ 144 dokument dwar Għawdex li jmorru lura għal nofs is-seklu dsatax, u li kienu mgħoddija lill-Arkivju Nazzjonali ta’ Malta b’mod anonimu.
Il-wirja se tkun miftuħa mit-Tnejn sas-Sibt, bejn il-Ħamis 22 ta’ Marzu u l-Ġimgħa 20 ta’ April 2018, mit-8.30am san-12.30pm, barra mill-festi pubbliċi. Id-dħul huwa b’xejn.
Ritratt: MGOZ – Terry Camilleri