Dokumenti juru “ndħil” tar-Russja fl-elezzjonijiet Amerikani

Kien hemm grupp ta’ esperti fi ħdan il-Gvern Russu li xogħolhom kien esklussivament li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Istati Uniti f’Novembru li għadda.
Dan qed jallegawh seba’ uffiċjali tal-Istati Uniti, erbgħa rtirati u tlieta li qed iservu bħalissa.
Mal-midja internazzjonali żvelaw li din l-organizzazzjoni kienet direttament marbuta u twieġeb lill-President tar-Russja, Vladimir Putin, u l-missjoni tagħha kienet li taġevola lill-elettorat sabiex jivvota lil kandidat li ma jkunx daqshekk aħrax mar-Russja bħalma kienu ta’ qabel.
Dawn il-persuni li żvelaw din l-informazzjoni qalu li għandhom fil-pussess tagħhom żewġ dokumenti kunfidenzjali li wara li ġew eżaminati mill-aġenziji tal-intelliġenza Amerikana, intgħaraf fihom pjan sħiħ u elaborat.
Dan l-istitut huwa mmexxi minn uffiċjal anzjan irtirat appuntat apposta minn Putin.
Fl-ewwel dokument kien hemm pjan sabiex tiskatta propoganda sħiħa favur kandidat aktar Amerikan aktar artab mar-Russja. Il-propoganda bdiet mill-Kremlin, l-uffiċċju ta’ Putin fir-Russja, u nfirxet fil-midja soċjali lokali kif ukoll dik internazzjonali. Sintendi midja kkontrollata mir-Russi.
It-tieni dokument kien jitkellem dwar kif Hillary Clinton kienet tinsab fuq quddiem biex tirbaħ, u għalhekk id-dokument iwissi li aħjar tieqaf il-propoganda favur Trump u tinbidel l-istrateġija. Din l-istrateġija l-ġdid iffukat fuq li tferrex l-aħbar li s-sistema tal-voti fl-Amerka fiha lok għal frodi, biex b’hekk tiġi imminata r-reputazzjoni ta’ Clinton, u b’hekk Trump ikollu ċans ikbar ta’ rebħ.
Sadanittant, il-midja internazzjonali bagħtet xi mistoqsijiet lil Putin u l-istitut Russu msemmi, iżda t-tnejn li huma għadhom ma weġbux.