Dokumenti foloz jitfgħu 4 rġiel il-ħabs

Customs

Erba’ rġiel ammettew li huma kienu qed iġorru dokumenti foloz biex jivvjaġġaw u għalhekk kissru l-liġijiet tal-immigrazzjoni.

Tnejn minnhom kienu mwaqfa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waqt li pruvaw jitilqgħu minn Malta filwaqt li t-tnejn l-oħra twaqqfu mill-Awtoritajiet tal-Immigrazzjoni fl-Italja u ntbgħatu lura lejn Malta.

F’Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, l-erba’ rġiel ngħataw sentenza ta’ sitt xhur ħabs kull wieħed.

Il-Qorti talbet lill-awtoritajiet biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex l-irġiel Eġizzjani jintbgħatu lura pajjiżhom wara li jservu s-sentenza tagħhom u l-proċess tal-ażil jiġi fit-tmiemu, hekk kif l-Eġittu huwa kkunsidrat “pajjiż sigur”.

Il-Maġistrat Mifsud qal li l-Qorti ma tistax tagħlaq għajnejnha quddiem il-fatt li l-liġijiet tal-immigrazzjoni ġew miksura u żied jgħid li ċertu reati qed issiru iktar frekwenti.