Dokument nutarili jixħet dawl fuq il-provenjenza tal-pittura ta’ Preti akkwistata dan l-aħħar

Ritratt: Kevin Abela / DOI

Read in English.

Kuntratt nutarili li nstab fl-Arkivji Nutarili fil-Belt Valletta jixħet dawl fuq il-provenjenza tal-pittura Boezju u l-Filosofija, li Heritage Malta akkwistat aktar kmieni din is-sena għas-somma ta’ 1,323,000, permezz tal-Fondi Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.

Il-kuntratt, imfassal fl-1 ta’ Settembru 1740 min-Nutar Belti Giuseppe Callus, jiddokumenta lit-Teżor Komuni tal-Ordni ta’ San Ġwann ibigħ il-pittura ta’ Preti, imsejħa Filosofia, flimkien ma’ tliet pitturi tal-istess artist, lill-Kavallier Taljan Francesco Parisio. Il-pittura nbiegħet għal 233 skud u 4 tareni.

L-iskoperta saret minn Dr Christina Cassar Meli, li qiegħda twettaq riċerka storika dwar il-provenjenza ta’ xogħlijiet artistiċi fl-Arkivji Nutarili fi Triq San Kristofru. Dan il-proġett ta’ riċerka huwa r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bla preċedent bejn l-Arkivji Nutarili u l-Università ta’ Malta u qiegħed jiżvela abbundanza ta’ tagħrif affaxxinanti.

Il-Professur Keith Sciberras, li qiegħed jissorvelja r-riċerka dottorali ta’ Dr Cassar Meli fid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti, enfasizza li dan id-dokument idawwal il-provenjenza ta’ din il-pittura u jipproponi rabta sinjifikanti fil-mogħdija tagħha aktar tard mill-kollezzjoni ta’ Fra Andrea di Giovanni għal dik tal-Palazz tal-Gran Mastru. Ir-referenza għall-pittura Filosofia, ta’ bejn wieħed u ieħor l-istess daqs, f’dan l-inventarju tiddokumenta kif il-pittura waslet fil-kollezzjoni ta’ Fra Francesco Parisio fl-1740 u tidentifika l-ġabra ta’ pitturi oħrajn li kienu esebiti ħdejha.

Dr Joan Abela, Konsulent tal-Istorja fl-Arkivji Nutarili, spjegat li din il-kollaborazzjoni hija biss waħda minn sitt proġetti ta’ riċerka sponsorjati mill-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern f’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta. Dawn l-inizjattivi ta’ riċerka jifformaw parti minn pjan ħolistiku li qed jara t-trasformazzjoni tal-Arkivji Nutarili f’ċentru ta’ eċċellenza għall-konservazzjoni u r-riċerka. Dr Abela żiedet tgħid li huwa biss permezz ta’ injezzjoni ta’ fondi mill-Gvern fi proġetti bħal dawn li l-istorja moħbija ta’ Malta tista’ tkun skoperta, studjata u disponibbli għall-poplu Malti.

Il-Kuratur ta’ Heritage Malta Kenneth Cassar qal li l-pittura ta’ Mattia Preti Boezju u lFilosofija hija żieda mill-isbaħ fil-kollezzjoni nazzjonali u miġja importanti lura lejn art twelidha. Dan għaliex għandha l-kwalitajiet artistiċi u storiċi meħtieġa biex tissejjaħ kapolavur tal-arti: id distinta li ma tistax tiġi dubitata, destrezza teknika, rakkont sofistikat, provenjenza relattivament ċara, kif ukoll daqs notevoli. Imżewqa bid-drama u t-tenebriżmu tal-aħħar xogħlijiet ta’ Preti, din il-pittura hija eżempju sabiħ fost il-ftit xogħlijiet b’tema filosofika ta’ dan il-pittur li jinsabu Malta.

Is-Sur Cassar fakkar li qabel ma jirritorna fil-Palazz tal-Gran Mastru, dan il-kapolavur tal-arti se jiġi restawrat u sadanittant ir-riċerka se tkompli tgħinna nifhmu aktar il-valur u l-istorja tiegħu. Fl-apprezzament ta’ dan it-teżor nazzjonali, nilqgħu bi pjaċir il-kollaborazzjoni bejn tliet entitajiet pubbliċi.

Dan it-tagħrif twassal minn Heritage Malta.