Dokument importanti mill-Vatikan dwar l-Ideoloġija tal-Ġeneru

Id-Dokument dwar l-Ideoloġija tal-Ġeneru maħruġ mill-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Vatikan, permezz tal-Kongregazzjoni tal-Edukazzjoni Kattolika, ippublika dokument importanti dwar l-Ideoloġija tal-Ġeneru, liema dokument diġa’ beda jintlaqa’ tajjeb minn Isqfijiet fl-Istati Uniti u l-Ingilterra u pajjiżi oħra.

Il-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika ippublikat id-dokument: “Raġel u Mara ħalaqhom: Lejn djalogu fuq il-kwestjoni tat-Teorija tal-Ġeneru fl-edukazzjoni”. Id-Dokument hu maħsub bħala strument biex jgħin lill-kontributuri Kattoliċi fid-dibattitu li hawn għaddej dwar is-sesswalità umana u biex iwieġeb għall-isfidi tal-ideoloġija tal-ġeneru.

Il-mira tad-Dokument hu li jgħin lil dawk involuti fil-qasam tal-edukazzjoni tal-ġenerazzjoni żagżugħa biex jindirizzaw b’mod metodiku, fid-dawl ta’ l-qasam aktar wiesa’ tal-imħabba, il-kwestjonijiet li qed iqumu dwar is-sesswalità umana.

Kriżi fl-Edukazzjoni

B’mod partikolari id-Dokument hu ndirizzat lejn l-iskejjel Kattoliċi u lil dawk li ispirati mill-viżjoni nisranija, jaħdmu fl-iskejjel, il-ġenituri, u l-istudenti kif ukol għall-Isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi kif ukoll movimenti ekklesjastiċi u assoċjazzjonijiet tal-insara.

Il-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika f’dan id-Dokument titkellem dwar “kriżi fl-edukazzjoni” b’mod partikolari fuq it-temi tas-sesswalità u l-affett. Quddiemna hemm “sfidi li qed jitfaċċaw minn forom varji ta’ ideoloġija li b’mod ġenerali qed tissejjaħ “teorija tal-ġeneru”, li tiċħad id-differenza u r-reċiproċità fin-natura tar-raġel u l-mara u tikkunsidrahom bħala sempliċement prodott tal-kondizzjonament storiku u kulturali.”  Allura l-identità ssir għażla tal-individwu, u li tista’ tinbidel maż-żmien.

It-test jitkellem dwar diżorjentazzjoni antropoloġika li qed tikkaratteriżża l-klima kulturali ta’ żmienna u qed tikkontribiwixxi biex “il-familja tkun destabilizzata”.

Id-Dokument jikkowta mill-Enċiklika “Amoris Laetitia” u jgħid li fost affarijiet oħra li din l-ideoloġija “twassal għal programme edukattivi u liġijiet li jippromwovu identità personali u emozzjonali li huma radikalment separate mid-differenzi bioloġiċi bejn raġel u mara”.

Dan hu l-kuntest ta’ dan id-Dokument ġdid li għandu l-iskop li jippromwovi metodoloġija “bażata fuq tliet prinċipji gwida” – li nisimgħu, nirraġunaw u nipproponu.

Djalogu

Meta jidħol fi djalogu fuq il-kwestjoni tal-ġeneru fl-edukazzjoni, id-dokument jagħmel distinzjoni bejn “l-ideoloġija tal-ġeneru fuq naħa u r-riċerka kollha fuq il-ġeneru li qatt saret mix-xjenzi umani”.

Fi kliem il-Papa Franġisku “filwaqt li l-ideoloġija tal-ġeneru tippretendi li kultant twieġeb għal aspirazzjonijiet li wieħed jista’ jifhem, tfittex li tasserixxi lilha nfisha bħala assoluta u tiddetta kif għandhom jitrabbew it-tfal, u allura toħnoq id-djalogu”.

Madankollu hemm riċerka li tidħol aktar fil-fond tad-differenzi bejn raġel u mara u l-esperjenzi tagħhom. Id-Dokument jispjega li “hu f’relazzjoni ma’ din it-tip ta’ riċerka li wieħed jista’ jinfetaħ biex jisma’, jirraġuna u jipproponi”.

Fi stħarriġ storiku qasir dwar kif bdiet it-teorija tal-ġeneru, id-Dokument jinnota li fis-snin 90 “kien suġġerit li wieħed jista’ ikollu teorija ta’ separazzjoni radikali bejn il-ġeneru u s-sess, b’tal-ewwel jieħu preċedenza fuq tal-aħħar”. Jgħid li “din il-mira tqieset bħala stadju important fl-evoluzzjoni tal-umanità fejn “jista’ jkollna soċjetà mingħajr differenza bejn is-sessi”.

Aktar minn hekk, “f’kontra-pożizzjoni dejjem tikber bejn in-natura u l-kutura, il-proposti tat-teorija tal-ġeneru, jikkonverġu mal-kunċett ta’ raġel omosesswali li hi dimensjoni ta’ sesswalità fluwida, flessibbli u nomadika”. Dan, jgħid id-Dokument isib il-milja tiegħu fl-asserzjoni tal-emanċipazzjoni sħiħa tal-indvidiwu minn kull definizzjoni sesswali mogħtija minn qabel u tisparixxi l-klassifikazzjoni li hi meqjusa bħala riġida ħafna”.