Dokument ġdid tal-Papa dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet

Il-Papa Franġisku jippoża maż-żgħażagħ qabel laqgħa ta' Sinodu

Il-Papa Franġisku nhar it-Tlieta ħareġ Kostituzzjoni Apsotolika msejħa “Episcopalis Communio” li tintroduċi tibdil sinjifikanti fl-istruttura tas-Sinodi tal-Isqfijiet.

L-introduzzjoni tad-dokument titkellem dwar il-kolleġġjalità, konsultazzjoni wiesa mal-insara f’kull stat ta’ ħajja fil-Knisja u l-ispirtu ġenerali tal-kollaborazzjoni sinodali.

“Għalkemm fil-kompożizzjoni tidher bħala organiżmu episkopali essenzjali, is-Sinodu ma jgħix separatament mill-bqija tal-fidili. Għall-kuntrarju, hu strument li jagħti vuċi lill-Poplu t’Alla, permezz tal-Isqfijiet li huma maħluqa minn Alla bħala ‘gwardjani awtentiċi, interpreti u xhieda tal-fidi tal-Knisja kollha’, li minn assemblea għal oħra turi li hi espressjoni elokwenti tas-sinodalità bħala dimensjoni kostituttiva tal-Knisja,” jgħid id-dokument.

Effettivament, ir-riformi ntrodotti permezz ta’ din il-Kostituzzjoni jistgħu joħolqu sitwazzjoni fejn l-Isqfijiet miġbura f’Sinodu jservu bħala għarbiel u jwasslu l-vuċi tal-fidili.

Ir-rwol tas-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu kiber sew u l-poteri tiegħu twessgħu flimkien ma’ dawk tas-Segretarjat Ġenerali. Il-poteri l-ġodda jirrigwardaw id-direzzjoni tal-assemblea sinodali, mill-bidu tal-organiżazzjoni sas-sessjonijiet infushom, sa l-abbozzar u l-approvazzjoni finali tad-dokumenti li se jsiru parti mill-assemblea sinodali nfisha.

Għalkemm is-Sinodu tal-Isqfijiet se jibqa’ korp konsultattiv, ir-regoli l-ġodda jidher li se jnaqqsu l-awtorità tas-Sinodu fejn jidħol it-tagħlim komparat mal-awtorità tal-Papa. Fil-fatt wieħed mill-artikli l-ġodda jgħid li “Jekk espressament approvat mill-Papa, id-dokument finali tas-Sinodu isir parti mill-Maġisteru tas-Suċċessur ta’ Pietru.”

Jekk id-dokument il-ġdid jagħmel xi ħaġa ċara, din hi li l-Papa Franġisku – li l-mod kif iħares lejn il-governanza tas-Sinodu kienet suġġett ta’ ħafna diskussjoni – wassal dak li ried ifiehem meta qal lit-Tielet Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet li “sinodalità tfisser li tkun ma’ Pietru u li tkun ma’ Pietru jfisser tkun taħtu.

Kemm hi sinodali l-Knisja li jara l-Papa Franġisku? Risposta qasira: sinodali daqskemm Pietru jgħid li hi.