Dokument dwar kif għandhom isiru s-solar farms

Il-Gvern għadu kif ippubblika qafas ta’ politika li jgħid x’inhu ‘solar farm’, fejn jista’ jsir u kif jista’ jkun iddisinjat.
Solar Farm huwa impjant ta’ pannelli fotovoltajiċi li jinxtraw minn individwi li ma jkollhomx fejn jinstallaw dawn il-pannelli f’darhom. B’hekk ikunu jistgħu jieħdu l-benefiċċji marbutin ma' enerġija nadifa.
L-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ministeru tal-Enerġija u l-Ambjent u s-Segretarjat Parlamentari għall-Ippjanar, ħarġu dan id-dokument li jqis impjant ta’ 1000m2, jiġifieri madwar tomna, bħala installazzjoni kummerċjali b’riżq il-ġenerazzjoni ta’ enerġija li tiġġedded.
Il-pjan jinkoraġġixxi li dawn l-impjanti jkunu nstallati qrib żoni urbani jew fejn ikun hemm ħafna użu ta’ elettriku.
Skont id-dokument, huwa aħjar li wieħed jikkunsidra li jibni dawn l-impjanti fuq bjut kbar, f’parkeġġi pubbliċi u inħawi mogħtija għall-industrija.
Postijiet oħra xierqa jinkludu barrieri mitluqa sakemm dawn ma jkollhomx impatt ambjentali sinjifikanti.