Dokument b’linji gwida għat-tfal trans, gender variant u intersex fl-iskejjel

Il-Ministru għal-Libertajiet Civili Helena Dalli u l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbru linji gwida għal studenti trans, gender variant u intersex.
Dawn il-linji gwida huma intiżi biex jassistu lill-iskejjel tal-Istat kif jitrattaw studenti fit-tranżizzjoni bejn is-sessi.
Fost punti mressqa fil-linji gwida hemm l-użu tal-uniformi, changing rooms u toilets skont l-identità tal-ġeneru li l-istudenti jidentifikaw ruħhom miegħu u jħossuhom komdi.
Dan japplika wkoll għall-attivitajiet sportivi u l-lezzjonijiet tal-eżerċizzju fiżiku.
Il-Ministri qalu li dan id-dokument ipoġġi fuq il-mejda qafas importanti f’dan il-qasam f’ambjent skolastiku.
Il-Ministru Helena Dalli semmiet kif din il-policy toħroġ mill-obbligi tal-Liġi dwar l-identità tal-Ġeneru li l-Parlament approva xahrejn ilu.
Semmiet kif bosta pajjiżi barranin qed iħarsu lejn il-mudell Malti għat-tfassil ta’ liġi simili.
Il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess taħseb għal dokumenti ta’ politika bħal dan minħabba li Artiklu 13 jobliga lill-Gvern sabiex fi żmien tliet snin idaħħal il-miżuri kollha meħtieġa biex kull persuna tiġi trattata b’dinjità u tkun tista’ tirnexxi fis-soċjetà. 
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni hu l-ewwel ministeru li qed idaħħal qafas ta’ politika bħal dan.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott