Dnub li wieħed jisfrutta r-riżorsi tad-dinja – Papa Franġisku

REUTERS/Remo Casilli/Pool

Meta nhar l-Erbgħa tkellem fl-okkażżjoni tal-50 Anniversarju ta’ Jum id-Dinja, il-Papa Franġisku qal li l-pandemija globali attwali tagħti indikazzjoni ċara li l-isfidi fil-klima għandhom ikunu indirizzati bi sforz globali.

Il-Papa, li fl-2015 kiteb enċiklika importanti dwar id-difiża tan-natura u l-perikli tal-bidla fil-klima, tkellem mil-librerija tiegħu minħabba l-lockdown. Huwa faħħar liż-żgħażagħ li jipparteċipaw b’mod attiv u jsuqu l-moviment ambjentali, waqt li sostna li huwa importanti li “dawn jinżlu fit-toroq biex jgħallmuna dak li huwa ovvju, jiġifieri li mhux se jkollna futur jekk neqirdu l-ambjent li jsostnina.”

Jum id-Dinja, li ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-1970, jissimbolizza t-twelid tal-moviment ambjentali. L-attività ta’ din is-sena, xi ftit jew wisq ikkundizzjonata mill-epidemija tal-coronavirus, wasslet biex bosta persuni, inkluż is-Segretarju Ġenerali tan-N.U. Antonio Guterres, jitolbu li l-gvernijiet jaħdmu għal “irkupru ekoloġiku” biex nindirizzaw il-pandemija globali.

Kemm il-Papa u anke Guterres isostnu l-importanza tal-protezzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima, u din it-tema hija waħda ċentrali fil-ħidma tagħhom.

“Naraw dawn id-diżastri naturali, li huma r-risposta tad-Dinja għat-trattament ħażin tagħna,” qal il-Papa. “Jien naħseb li kieku kelli nistaqsi lill-Mulej bħalissa x’jaħseb dwar dan, ma naħsibx li jgħid li din hija ħaġa tajba. Aħna ħatja tar-rovina li kkawżajna fuq il-ħolqien t’Alla.”

S’issa, diversi gvernijiet wiegħdu pakketti ta’ assistenza ekonomika konsiderevoli, hekk kif qed jippruvaw inaqqsu t-telf li qed jiffaċċjaw ħafna industriji globali, u jipprevjenu li pajjiżhom iċedi għat-theddida ta’ dipressjoni globali. Madankollu, ministri mill-Ġermanja, minn Franza u diversi Stati Membri oħra tal-UE taw l-appoġġ tagħhom għal negozjati alternattivi li huma ffukati fuq il-miri tal-klima, u dan ġie approvat.