DNA turi li kien parti minn serqa; jispiċċa l-Qorti

Raġel ta’ 27 sena ġie akkużat li kellu sehem f’serqa tal-ħanut Diamonds International fit-Tignè Point fl-2017 wara li analiżi tad-DNA kkonfermat l-identità tiegħu.

Fil-Qorti llum ir-raġel mill-Albanija ta’ 27 sena wieġeb mhux ħati talli kien seraq madwar €330,000 f’ġojjellerija, li kellu arma tan-nar bla liċenzja, u li żamm għadd ta’ persuni kontra l-volontà tagħhom. Hu diġà qiegħed il-ħabs minħabba reat ieħor li wettaq. Ħuh diġà ġie akkużat bl-involviment tiegħu fir-reat.

L-avukat tar-raġel staqsa dwar il-validità tal-arrest għax qal li kien hemm għażla bejn ċitazzjoni u ċitazzjoni urġenti biex l-akkużat jitressaq il-Qorti. Il-prosekuzzjoni qalet li r-raġel tressaq il-Qorti issa għax kien qed jistaħba. Il-Qorti ordnat li l-arrest kien validu. Huwa baqa’ jinżamm taħt l-arrest.