DNA fuq sikkina twassal lil żagħżugħ għat-tieni arrest

Raġel qed jinżamm arrestat minkejja li wieġeb mhux ħati għall-akkuża li kien fil-possessjoni ta’ ammont konsiderevoli ta’ droga, wara li nstabet id-DNA tiegħu fuq sikkina u miżien li nstabu fuq il-post fejn il-Pulizija wettqet it-tfittxija għad-droga.

Iż-żagħżugħ ta’ 26 sena minn Bormla qed jiġi akkużat bil-possessjoni ta’ kokaina u eroina, waqt li kien b’sentenza sospiża, u għalhekk qed jiġi akkużat ukoll li hu riċediv.

L-Ispettur Anthony Scerri informa lill-Qorti kif f’Settembru, tfittxija tal-Pulizija kienet wasslet għall-arrest ta’ 6 individwi, iżda l-Pulizija kienu ħelsu lill-akkużat għax kienu għadhom qed jinvestigaw il-każ. Iżda meta saru jafu minn espert maħtur mill-Qorti li d-DNA tal-akkużat kienet instabet fuq sikkina u miżien misjuba fit-tfittxija, il-Pulizija reġgħu arrestaw lis-suspettat nhar il-Ġimgħa li għadda.

Għalhekk, il-Prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat għandu jinżamm arrestat minħabba li l-investigazzjonijiet jaf iwasslu għal iżjed arresti.

L-avukati tad-Difiża qalu li ma kienx hemm ċans li l-evidenza tiġi mbagħbsa minħabba li kienet waħda xjentifika. Argumentaw ukoll li l-akkużat kien diġà kellu ċ-ċans jitkellem ma’ nies oħra li qed jiġu investigati fil-perjodu ta’ 3 xhur li kien meħlus mill-arrest.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, iddeċidiet li żżomm lir-raġel arrestat.