​Dmir li l-Knisja titkellem dwar l-ambjent – L-Arċisqof

L-ambjent hu suġġett li jolqot lil kulħadd. Mhux biss il-konkos  imma wkoll il-ħolqien t’Alla. Ambjent ikkontaminat, imarrad minn ġewwa u minn barra, jiġifieri lill-ġisem u lill-ispirtu.
Hekk qal l-Arċisqof Charles Scicluna fuq RTK fil-programm “Bir-Rispett Kollu”, waqt li tenna li l-Isqof għandu d-dmir li jipprepara lil ħutu għall-ġenna u jappella biex dak li jkun jieħu ħsieb l-ambjent ta’ madwaru u jħallih aħjar milli jsibu għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Waqt li spjega li l-enċiklika li jmiss tal-Papa Franġisku, li se tiġi ppubblikata mill-Vatikan fit-18 ta’ Ġunju, se tittratta wkoll l-ambjent, spjega li meta Isqof jew saċerdot jikkritika suġġett bħall-korruzzjoni, ma jkunx qed jikkritika lill-partit politiku fil-Gvern imma jitkellem dwar kmandament.
Saħaq li ma jistax, għax hu Isqof, ma jitkellimx biex ma jdejjaqx lil xi ħadd għax ir-responsabiltà tiegħu bħala Arċisqof hi propju li jgħallem. Tenna li leħnu mhux l-uniku wieħed fil-pajjiż u ma jippretendix li jkun hekk, imma sostna li għandu dritt jitkellem u ma jiġix rappreżentat ħażin jew li kliemu jiġi mibdul biex jinftiehem ħażin.
Waqt li appella biex il-poplu jimmatura iktar f’dak li hu djalogu, saħaq li min jippretendi li s-saċerdot jew hu bħala Isqof għandu joqgħod idur mal-bankun tas-sagrestija, se jkun diżappuntat.
Mistoqsi dwar ix-xewqa tiegħu li jippreżenta l-enċiklika tal-Papa mal-pubbliku Malti fl-24 ta’ Ġunju, l-Arċisqof qal li bħala Ragħaj Spiritwali jixtieq jispjega l-kunċetti l-iktar importanti tal-kelma tal-Papa. Din l-okkażjoni se tkun miftuħa għall-pubbliku u aktarx issir fis-Seminarju f’Tal-Virtù.
Wara, il-Kummissjoni Ambjent tad-djoċesi mistennija torganizza seminars dwar l-enċiklika waqt li RTK se jkollu diversi programmi li jittrattawha mill-25 ta’ Ġunju ’l quddiem.