DLĦ tikteb lill-Prim Ministru biex iwaqqa’ klawsoli fil-Pjan Strateġiku tal-ambjent

L-għaqda Din l-Art Ħelwa kitbet lill-Prim Ministru f’tentattiv biex żewġ klawsoli fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) jinbidlu qabel dan jiġi approvat mill-Parlament.
Din l-Art Ħelwa qed tinsisti li d-dokument fih żewġ klawsoli partikolari li “se jkunu fatali għall-ambjent, għall-inħawi rurali u għall-kosta Maltija”.
Għalhekk qed tħeġġeġ biex dawn jitneħħew inkella jingħata biżżejjed ħin għal diskussjoni biex dawn jiġu definiti qabel id-dokument jiġi approvat.
L-ittra ntbagħtet ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Michael Falzon, lill-membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u liċ-Chairman tal-MEPA.
Din l-Art Ħelwa qed toġġezzjona għall-klawsoli li jgħidu li żvilupp jista’ jingħata l-permess f’inħawi barra ż-żoni ta’ żvilupp fejn ma jkun hemm ebda alternattiva vijabbli f’żona urbana; u fejn l-istess inħawi barra ż-żoni ta’ żvilupp huma meqjusa “bħala l-aħħar alternattiva essenzjali biex ikun jista’ jsir żvilupp ta’ natura sostenibbli”.
L-għaqda mhux governattiva qed tisħaq li dan il-kliem idaħħal inċertezza u jista’ jiġi interpretat b’mod wiesgħa b’mod li jħalli toqob minn fejn jgħaddi min irid iwettaq żvilupp f’inħawi protetti.
Qed issostni li dawn il-klawsoli jġibu fix-xejn it-titjib li ġie kkunsidrat fl-aħħar verżjoni tal-Pjan Strateġiku, li ddeskrivietu bħala “superfiċjali ħafna” u li ma jagħtix direzzjoni ċara kif suppost jagħmel bil-liġi.
Għalhekk, Din l-Art Ħelwa ħeġġet lill-Prim Ministru biex bħala l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar u mill-Artijiet, jikkunsidra b’mod urġenti li jwettaq il-wegħdiet tal-programm elettorali tal-2013, għall-ġid komuni.