DJs żgħar issa biċ-ċans li jikbru

Read in English.

Ġiet issimplifikata l-applikazzjoni għal biex wieħed jorganizza attivitajiet mużikali f’żoni mhux illiċenzjati. Dan bil-għan li mużiċisti mhux stabbiliti jkunu jistgħu jikbru u jagħmlu suċċess f’dan il-qasam.

Permezz ta’ emendi fil-liġi, dawk li jixtiequ jorganizzaw avveniment ta’ divertiment f’ post mhux liċenzjat mhux ikbar minn 750 metru kwadru, mhumiex obbligati li jħallsu garanzija bankarja. Jekk iż-żona tkun ikbar minn 750 metru kwadru, il-garanzija bankarja, li qabel kienet tammonta għal €11,000, se tinżel għal €5,000.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li dawn l-emendi se jagħtu lok lill-qasam artistiku jkompli jikber. Huwa spjega li l-liġijiet ta’ protezzjoni mill-istorbju jgħoddu u se jiġu infurzati b’ reqqa. Storbju fis-siegħat bikrin ta’ filgħodu m’ huwiex aċċettabli.

Il-Ministru Farrugia qal li hu qed jagħmel il-kuntatti neċċessarji mal-pulizija u ma’ avukati biex ikun hemm mod kif l-istorbju minn parties jiġi mkejjel b’ mod oġġettiv, permezz ta’ strumenti. B’hekk, jkun jista’ jiġi determinant b’ mod konkret jekk l-avveniment ta’ divertiment huwiex jikkawża storbju f’żoni residenzjali li jaqbeż il-limitu aċċettabli.

Albert Marshall, iċ-chair eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti semma kif dawn l-emendi fil-liġi ssimplifikaw dan il-proċess u għamluh iktar affordibbli għall-artisti. Huwa semma kif dawn l-emendi għandhom iwasslu għall-koeżistenza tal-espressjoni artistika u s-soċjetà ċivili.

Joven Grech, magħruf bħala Tenishia, filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet ta’ dawn l-emendi, semma kif hu jixtieq li DJs żgħar ikollhom iċ-ċans li jibru huma ukoll. Huwa qal li hu ħass il-bżonn li jitkellem mal-awtoritajiet kkonċernati biex dak li jostakola s-suċċess taż-żgħażagħ jiġi eliminat.

Qabel dawn l-emendi, DJs li riedu jorganizzaw avveniment ta’ divertiment f’ żoni mhux liċenzjati, kellhom japplikaw għaxar ġimgħat qabel biex jieħdu l-approvazzjoni ta’ 6 awtoritajiet. Id-DJs kien ikollhom ukoll jagħmlu garanzija bankarja ta’ €11,000. Din apparti milli jħallsu polza ta’ assigurazzjoni ta’ €500,000, jipprovdu ċertifikat mingħand inġinier elettriku, ċertifikat ta’ saħħa u sigurta, u dokumentazzjoni tal-VAT.

Il-Ministru spjaga li l-emenda ta’ din il-liġi kienet waħda mill-wegħdiet elettorali.