Djordjevic ta’ Nadur Youngsters hu r-rebbieħ tal-BOV Plejer tax-Xahar

Il-plejer ta’ nofs il-grawnd ta’ Nadur Youngsters, Predrag Djordjevic rebaħ il-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Ottubru 2019.

Djordjevic, li għandu 30 sena, huwa wieħed mill-aktar plejers barranin ta’ suċċess fil-Kampjonat BOV GFA u kien parti mit-tim li għen lil SK Victoria Wanderers jaslu sas-semi-finali tal-FA Trophy matul l-istaġun tal-2016/2017.

Huwa ngħaqad ma’ Nadur Youngsters fil-bidu tal-istaġun u kkonferma l-potenzjal tiegħu meta fetaħ l-iskor fir-rebħa ta’ Nadur ta’ 4-0 fuq Għarb Rangers; huwa reġa’ skorja wkoll l-ewwel gowl fir-rebħa ta’ 2-1 fuq Victoria Hotspurs. Il-prestazzjoni tiegħu fir-rebħa ta’ Nadur ta’ 3-0 fuq Vittoriosa fit-tieni rawnd tal-FA Trophy ukoll kienet waħda li tiġbed l-għajn.

Predrag irċieva t-trofew tal-BOV GFA Plejer tax-Xahar għal Ottubru 2019 mingħand Horace Laudi, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta, u għażel lill-Fondazzjoni Arka biex jibbenefikaw mid-donazzjoni assoċjata ma’ dan l-unur.