Djokovic jagħti s-sehem tiegħu

Is-Serb Novak Djokovic u martu Jelena, impenjati fil-ġlieda kontra Covid-19, taw somma kbira lill-isptarijiet ta’ Treviglio-Caravaggio u Romano di Lombardia.

“Qatt ma stennejna li naraw donazzjoni tant kbira fuq il-kont bankarju tal-Asst Bergamo Ovest,” qal Peter Assembergs, il-maniġer ġenerali tat-Treviglio-Caravaggio. “F’dawn il-jiem bosta kumpaniji, organizzazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u individwi privati ​​qed jgħinuna u nirringrazzja lil kulħadd għall-ġenerożità tagħhom.”

Peter Assembergs  qal  li madankollu, meta fost id-donaturi ra l-isem tal-aqwa tennista fid-dinja, Novak Djokovic, ħassu verament eċċitat.

Id-donazzjonijiet kbar li rċevew servew immedjatament għax-xiri ta’ respiraturi, kapep, maskri, ilbiesi, elmi u nuċċalijiet.

“Id-donazzjoni importanti ta’ Djokovic se tippermettilna nimmodernizzaw u nkabbru  s-sala tal-ICU tal-isptar Treviglio li waqt l-emerġenza tal-Covid-19 hija l-qalba tal-attivitajiet tal-pazjenti li jkunu f’qagħda kritika. L-għotja tat-tennista se tippermettilna nespandu l-kmamar, il-faċilitajiet u t-tagħmir tal-kura li jagħmlu d-dipartiment dejjem lest biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ urġenza taż-żona,” kompla jgħid Assembergs.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn