Djoċesijiet Amerikani jissospendu s-sinjal ta’ paċi fil-quddiesa minħabba l-influwenza

Il-pandemija tal-influwenza li laqtet l-Istati Uniti tal-Amerika wasslet biex numru ta’ djoċesijiet jissospendu ritwali tradizzjonali waqt il-quddies biex jevitaw kemm jista’ jkun it-tixrid tal-mikrobu.
Fost il-miżuri meħuda hemm li wieħed joffri tbissima jew sinjal b’rasu meta jagħti l-paċi flok jieħu b’idejn l-oħrajn, filwaqt li kien hemm knejjes fejn anke l-fonti tal-ilma mbierek tbattal fid-dawl ta’ dik li qed titqies l-eħrex imxija tal-influwenza li laqtet l-Amerika fl-aħħar seklu.
Iċ-Ċentri għall-Kontrol tal-Mard u l-Prevenzjoni rrappurtaw li ħafna nies qed ikunu infettati bil-vajrus tal-inflwenza B jew H3N2.
Għexieren ta’ eluf kellhom jiddaħħlu fl-isptarijiet mill-1 ta’ Ottubru 'l hawn meta faqqgħet l-imxija.
Il-Konferenza Episkopali tal-Isqfijiet Kattoliċi Amerikani, fuq is-sit elettroniku tagħha poġġiet paġna apposta ddedikata għal-Liturġija fi żmien l-influwenza.
Il-paġna toffri informazzjoni dwar il-vajrus u kif dan jista’ ma jkomplix jinfirex waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija.
Isqof f’Pennsylvania ta parir lill-parruċċani biex ma jiħdux b’idejn xulxin bħala sinjal ta’ paċi u waqqaf l-użu tal-inbid ikkonsagrat waqt it-tqarbin.
F’Texas il-Kanċillier ħareġ nota fejn talab lill-kleru biex jipprattika bis-sħiħ ir-regoli tal-iġjene u tablet ukoll lil dawk il-parruċċani li jkunu mordna biex waqt it-tqarbin ma jixorbux mill-kalċi. “Meta titqarbnu, tkun qed tirċievu l-ġisem u d-demm ta’ Kristu u allura jekk tieħdu biss l-ostja xorta tkunu qed tagħmlu tqarbina sħiħa”, tgħid in-nota.
Fuq is-sit elettroniku tad-djoċesi ta’ New York tpoġġew erba’ protokolli li għandhom ikunu osservati waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa.
Il-parroċċi għandhom ibattlu b’mod regolari il-fonti tal-ilma mbierek u jnaddfuhom bid-diżinfettant. Fit-tqarbin m'għandux jintuża l-kalċi; is-sinjal tal-paċi jingħata bla ma jkun hemm teħid tal-idejn u r-reċipjenti kollha użati fil-quddiesa għandhom jinħaslu bil-misħun u s-sapun wara kull ċelebrazzjoni.
L-Isqof ta’ Maine ħeġġeġ lill-parruċċani morda biex iżommu lura milli jattendu fil-knejjes u fakkarhom li mhumiex obbligati li jattendu l-quddies, imqar tal-Ħadd, jekk ikunu morda.
Il-Parruċċani ntalbu wkoll biex jitqarbnu f’idejhom filwaqt li s-saċerdoti ngħataw parir biex kemm jista’ jkun ma jmissux l-ilsien jew l-idejn ta’ min jitla’ jitqarben.
Miżuri simili ttieħdu kważi fid-djoċesijiet Amerikani kollha.