Djoċesi fil-Vjetnam titlob għajnuna għall-vittmi ta’ għargħar

Għargħar kbar għamlu ħsara fil-Vjetnam u ħallew vittmi u nies bla djar

Xita qawwija ħolqot għargħar fiċ-ċentru u t-tramuntana tal-Vjetnam u għamlet ħafna ħsara tant li l-mexxejja tal-knisja lokali  qed jappellaw għal għajnuna lil dawk milquta minn dan id-diżastru naturali.

Fr Paul Nguyễn Quốc Anh, Direttur tal-Caritas fid-djoċesi ta’ HungHoa ħeġġeġ lil-lajċi u lir-reliġjużi biex jixtru ikel, ilma u mediċinali għall-vittmi tal-għargħar kemm jekk huma Kattoliċi kif ukoll jekk m’humiex.

Mit-23 ta’ Lulju sas-6 ta’ Awissu, ix-xita f’dawn il-postijiet ma waqfet xejn, lejl u nhar u għarrqet l-inħawi ta’ SonTay fejn mietu 28 persuna. Ħdax il-persuna oħra għadhom rappurtati nieqsa filwaqt li ġġaraf bini, toroq u pontijiet.  L-agrikoltura ntlaqtet ħażin ħafna u saret ħafna ħsara.

Kap ta’ villaġġ fil-provinċja ta’ YeniBai irrakkonta li “għall-ewwel rajt li l-ilma kien miexi bil-mod ħafna. Imbagħd żdied f’daqqa waħda. Ħames minuti wara l-ilma baqa’ jogħla u jogħla. Intbaħt bil-periklu u bdejt ngħajjat lin-nies biex jaħarbu. Wara biss siegħa, l-ilma kien għoli aktar minn għaxar metri u kaxkar ħafna bini miegħu.”

Il-kappella ta’ Sungdo ġarrbet ħsarat kbar.  Il-Kappillan spjega lill-parruċċani l-ħsara li saret fil-knisja.

Madwar 20 familja spiċċaw bla dar u l-imħażen tar-ross tagħhom. Familja bi 13-il tifel u tifla tilfet id-dar, l-għelieqi tar-ross u l-ġonna li kellha.  In-nies fadlilhom ftit biss ross x’jieklu u l-ilma tax-xorb mhux nadif.

L-Isqof Awċiljarju Alphonse Mguyen Huu Long żar il-komunità żgħira li tgħix fuq il-muntanja li hi fqira u maqtugħa minn kollox. Hu nkoraġixxa lir-residenti biex jipperseveraw f’dan iż-żmien diffiċli għalihom.