Djoċesi fil-Messiku tirtira sorijiet minn belt mimlija vjolenza

Djoċesi tal-Knisja Kattolika fin-Nofsinhar tal-Messiku rtirat is-sorijiet kollha li kienu jaħdmu fil-belt ta’ Chilapa li hi mimlija vjolenza, u fejn aktar kmieni dan ix-xahar inqatlu żewġ saċerdoti.
Fi stqarrija d-djoċesi qalet li l-ġenituri ta’ waħda minn dawn is-sorijiet inqatlu u li l-iskola fejn kienu jgħallmu s-sena li għaddiet inżammet magħluqa għal numru ta’ xhur minħabba theddid li sar minn traffikanti tad-droga li joperaw f’din il-belt.
Is-sorijiet kienu jmexxu waħda mill-eqdem skejjel rispettati f’Chilapa.
Għalkemm il-Knisja ma qalitx kemm sorijiet kienu rtirati minn din il-belt, rapporti fil-midja lokali qalu li kien hemm erba’ sorijiet li telqu mill-belt.
Rapporti oħra qalu li l-ġenituri ta’ dawn is-sorijiet sfaw attakkati.
Id-djoċesi appellat lill-barunijiet tad-droga biex ma jagħmlux ħsara lill-edukazzjoni tat-tfal biex forsi jinstab ħaddieħor biex imexxi l-iskola. “Nappellaw lill-gruppi kriminali biex ma jeqirdux waħda mill-affarijiet għeżież li għandna: l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għax jekk l-iskola tagħlaq għal dejjem ħafna jispiċċaw mingħajr edukazzjoni ta’ kwalità”.
Fil-5 ta’ dan ix-xahar żewġ saċerdoti nqatlu waqt li kienu qed jirritornaw lejn darhom minn belt oħra fl-istess djoċesi. L-Isqof Salvador Rangel qal li ż-żewġ saċerdoti kienu jaħdmu f’żona fejn hemm diversi gruppi li jxerrdu d-droga.
Nhar il-Ħamis li għadda l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li nstabu żewġ katavri f’Nayarit li aktarx huma ta’ żewġ aġenti tal-istess uffiċċju li aktar kmieni nħatfu minn grupp armat li jmexxi d-droga.