Djarju li jfakkar il-50 sena mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza

Id-Djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2015 qed jitqassam bħalissa f’kull dar ta’ Malta u Għawdex.
L-edizzjoni ta’ din is-sena qed ifakkar l-okkażjoni speċjali tal-50 sena mit-twaqqif tad-Dar minn Mons. Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965.  
Bit-tagħrif, artikli u ritratti li fih, id-djarju jibqa’ jintuża s-sena kollha. Permezz tiegħu, spjega d-direttur Fr Martin Micallef, is-sostenituri għandhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar.
Id-Dar tal-Providenza toffri residenza lil 170 persuna b’diżabilità bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom.
Minbarra kalendarju dettaljat, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes kollha ta’ Malta u Għawdex. Żdiedet ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena ddieħla.
Ir-ritratt bil-kulur tal-qoxra huwa mużajk, xogħol ta’ Christopher Grima fuq disinn ta’ Kenneth Grima taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum, Aġenzija Sapport, Fleur-De-Lys.