Djar għall-bejgħ fl-Italja b’€1 biss

F’Bisaccia, villaġġ fl-Italja, qed jinbiegħu djar b’€1 biss.

Din l-offerta mhijiex l-ewwel tat-tip tagħha fil-pajjiż, peress li dan qed isir f’villaġġi oħra wkoll bħala inċentiv biex in-nies imorru joqogħdu f’villaġġi, li kulma jmur, qed tonqos il-popolazzjoni fihom.

Il-villaġġ, li jinsab fir-reġjun Campania, għandu 90 binja mitluqa, li kollha qed jinbiegħu b’€1.

Id-Deputat Sindku Francesco Tartaglia qal lil CNN Travel li s-sitwazzjoni f’Bisaccia partikolari ħafna, peress li ż-żona abbandunata qed tinfirex fl-eqdem parti tal-villaġġ. Id-djar huma kollha fejn xulxin, u wħud minnhom għandhom l-istess daħla.

Dawk li jixtru l-post, imbagħad, ikunu mistennija jirrenovaw il-propjetà, imma fil-każ ta’ Bisaccia, ma jingħatawx żmien partikolari sa meta jridu jlestuha. Il-propjetajiet huma kollha tal-awtoritajiet lokali, u mhux tas-sidien oriġinali, peress li l-awtoritajiet ħaduhom meta r-residenti telqu mill-Italja biex ifittxu futur aħjar xi mkien ieħor.