Djalogu vera jirrispetta t-twemmin ta’ ħaddieħor

Djalogu interkulturali u interreliġjuż ġenwin hu bażat fuq laqgat personali u prattiċi li jagħrfu u jirrispettaw it-twemmin tal-oħrajn. Din hi l-fehma ta’ dawk li ħadu sehem f’laqgħa ta’ sagħtejn organizzata mill-Missjoni Permanent ital-Vatikan fin-Nazzjonijiet Uniti u l-Moviment Komunjoni u Liberazzjoni.
F’din il-laqgħa ħadu sehem diplomatiċi, akkademiċi, mexxejja reliġjużi u rappreżentanti minn diversi organiżazzjonijiet mhux governattivi
Waqt din il-laqgħa, Paulo Carozzo, Direttur tal-Helen Kellogg Institute fl-Universita’ ta’ Indiana qal li s-sejħa internazzjonali għal djalogu akbar bħala soluzzjoni għall-kriżijiet fis-Sirja, l-Iraq, il-Korea ta’ Fuq, il-Venezuela u postijiet oħra qed tintlaqa’ b’theddid ta’ aktar użu ta’ forza u saħansitra attakki nukleari.
 
L-Arċisqof Bernaradito Auza, rappreżentant permanenti tal-Vatikan sostna li “d-djalogu mhux biss paroli u bdil ta’ opinjonijiet imma hu skambju ta’ persuni li jitkellmu, jaħsbu u ħana drabi ma jaqblux”. Xi djalogi bejn nies ta’ fidi u kulturi differenti, spiss kienu biss monologi u ma ħallew ebda frott. “Id-djalogu ġenwin jitlob li kull naħa tkun tixtieq issir taf sew in-naħa l-oħra. Djalogu sinċier irid jagħraf b’rispett it-twemmin u l-kultura tal-interlokutur”.
 
Dawk li jemmnu kultant ma japprezzawx il-virtujiet kbar f’persuni ta’ twemmin differenti bħalma huma d-dedikazzjoni għat-talb, is-sinċerita tal-kumpassjoni, il-karita’ ma’ min hu anqas fortunat, is-smiegħ tal-kuxjenza anke waqt is-sofferenza kif ukoll l-umilta’, l-ospitalita, it-tjubija, il-kuraġġ u kwalitajiet tajbin oħra.
 
Biex id-djalogu jħalli l-frott irid ikun misjuq mill-konvinzjoni li d-djalogant hu tajjeb kemm fih innifsu kif ukoll għal dak li miegħu qed jiddjaloga. L-ieħor mhux theddida jew kompetitur f’battalja fejn min hu l-aqwa jħawwel. L-ieħor mhux negattiv li għandu jkun emarġinat jew eliminat. L-ieħor hu tajjeb kemm oġġettivament kif ukoll soġġettivament, sotna l-Arċisqof Auza.