​Djalogu soċjali bejn il-partijiet kollha tal-futbol

Aktar kmieni dalgħodu saret laqgħa dwar l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-kuntratti tal-plejers professjonali madwar l-Ewropa.
Saret preżentazzjoni tal-ftehim li sar bejn il-UEFA, l-assoċjazzjoni tal-klabbs Ewropej (ECA), il-union internazzjonali tal-plejers tal-futbol (FIFPro) u l-assoċjazzjoni tal-kampjonati professjonali tal-futbol Ewropej (EPFL), bħala parti mid-Djalogu Soċjali tal-Unjoni Ewropea fl-2012.
Id-Djalogu Soċjali kkonsista f’konsultazzjonijiet, negozjati u azzjonijiet meħuda mill-organizzazzjonijiet tal-futbol fuq imsemmija li rrapreżentaw iż-żewġ naħat tal-industrija tal-futbol, jiġifieri fuq naħa l-klabbs u l-kampjonati bħala min iħaddem u fuq in-naħa l-oħra l-plejers bħala l-ħaddiema, fil-UEFA timmodera bħala l-organizzazzjoni illi tiggverna fuq il-logħba tal-futbol fl-Ewropa.
Permezz ta’ dawn il-laqgħat l-imsieħba soċjali ħolqu dokument li permezz tiegħu l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs kollha tal-Ewropa qed jiġu mistiedna illi jaraw illi l-kuntratti ta’ impjieg bejn klabbs tal-futbol u plejers professjonali ikun fihom mill-inqas il-klawżoli minimi li ġew miftiehma bejn il-partijiet f’dan id-Djalogu Soċjali.
Dan il-proġett li kien immexxi minn Michel Platini, President tal-UEFA, kien pass ieħor fid-definizzjoni tar-relazzjoni bejn il-klabbs tal-futbol u l-plejers professjonali wara li il-UEFA, il-FIFA u l-Kumissjoni Ewropea kienu bdew iwittu t-triq bi ftehim fuq ir-regoli relatati mat-trasferimenti internazzjonali tal-plejers tal-2001 wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-każ tal-player Belġjan Jean-Marc Bosman fl-1995.
F’din il-laqgħa it-task-force iltaqgħet ma’ uffiċjali tal-Malta Football Association, immexxija mill-President Norman Darmanin Demajo, u rappreżentanti ta’ klabbs u plejers Maltin, sabiex jiġi diskuss kif u meta r-rekwiżiti minimi tal-kuntratti tal-plejers professjonali maqbula fid-Djalogu Soċjali ser jibdew jiġu implementati fil-kuntratti tal-plejers professjonali illi jilgħabu l-futbol fil-kampjonati Maltin.