DJ ta’ 15-il sena se jiftaħ il-finali tal-Eurovision

DJ Pieter Gabriel

Read in English.

Sar magħruf li d-DJ Pieter Gabriel li għad għandu biss 15-il sena se jkun qed jipproduci s-silta mużikali għall-ftuħ tal-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest li se jsir fis-16 ta’ Mejju. Matul dan il-ftuħ issir il-parata bil-bnadar tal-pajjiżi parteċipanti f’din l-edizzjoni li se tkun qed tittella’ f’Rotterdam fin-Netherlands.

Il-parata bil-bnadar fil-ftuħtal-Eurovision 2018. Ritratt: Thomas Hanses

Minkejja l-età żgħira tiegħu, Pieter Gabriel hu meqjus bħala wieħed mid-DJ’s l-aktar popolari tal-mument, u huwa se jkun qed jipproduċi s-silta tal-ftuħ flimkien mal-producer mużikali Eric van Tijn.

Gabriel igawdi popolarità f’pajjiżu u ta’ 12-il sena kien daqq quddiem udjenza kbira waqt l-Amsterdam Dance Event tal-2016.

Sentejn ilu ħareġ l-ewwel single tiegħu bl-isem ta’ Forever flimkien ma’ FOURCE u kienet twasslet waqt gala mużikali tal-Milied.

“Ninsab kburi li se nkun qed nagħti kontribuzzjoni lill-akbar avveniment televiżiv fid-dinja,” kien il-kumment taż-żagħżugħ dwar is-sehem tiegħu fil-Eurovision Song Contest li jmiss.