Dizzjunarju biex tifhem lil Papa Franġisku

Fl-okkażżjoni tal-ħames anniversarju tal-Pontifikat tal-Papa Franġisku, żewġ ġurnalisti li jaħdmu f’Ruma ħarġu ktieb, intitolat “A Pope Francis Lexicon” li l-Kardinal Kevin Farrell iddiskrivieh bħala “għodda mill-isbaħ biex tifhem lill-Papa Arġentin”.
Il-ktieb jinkludi kitbiet minn diversi kardinali, isqfijiet, teologi u ġurnalisti, u huwa xogħol ta’ Cindu Wooden li hi l-Kap tal-Uffiċċju f’Ruma tal-Catholic News Service u Joshua McElwee, il-korrispondent tan-National Catholic Reporter stazzjonat f’Ruma. 
It-tnejn huma ġurnalisti Amerikani. Il-Kardinal O’Malley ta’ Boston u l-Patrijarka Bartilmew, kitbu d-daħla ta’ dan il-ktieb.
Il-ktieb fih 54 komponiment fuq diversi suġġetti li fuqhom tkellem il-Papa Franġisku tul dawn l-aħħar ħames snin. Fost il-kontributuri hemm il-Kardinal Tagle ta’ Manila; il-Kardinal Donald Wuerl ta’ Washington; il-Kardinal Maradiaga tal-Ħonduras u bosa oħrajn.
Waqt it-tnedija tal-ktieb, li saret f’Ruma aktar kmieni dan ix-xahar, il-Kardinal Farell li jmexxi d-Dikasteru għall-Familja, il-Lajċi u l-Ħajja qal li jekk xi ħadd irid jifhem lill-Papa Franġisku, għandu jaqra dan il-ktieb. 
"Kieku dan il-ktieb jinqara, ikun hemm anqas possibbiltà li l-Papa Franġisku ma jinftihemx."  Hu faħħar ix-xogħol taż-żewġ ġurnalisti Amerikani.
Wieħed mill-awturi tal-ktieb, Joshua McElwee, qal fost l-aqwa kitbiet fil-ktieb hemm dik tal-Arċisqof Victor Fernandez li jitfa’ dawl dwar għaliex jitkellem spiss dwar il-bżonn tal-“laqgħat”; il-kitba tal-Kardinal Blase Cupich li jara l-isptarijiet bħala l-post fejn wieħed jipprattika l-paċenzja; Katie Grimes li tikteb dwar kif il-Papa jħares lejn “il-kontabilità episkopali” u l-artiklu tal-konsulenta tal-Isqfijiet Indjani, Astrid Lobo Gajiwala, li tevalwa it-tajjeb u l-ħażin ta’ dak li qal il-Papa dwar in-nisa.
L-awtur qal li ħassu onorat li l-Patrijarka Bartilmew aċċetta li jagħmel id-“Daħla”  tal-ktieb fejn tkellem dwar l-istima profonda li għandu lejn “ħija Franġisku”.