Il-Grupp Parlamentari tal-PN se jitlaqqa’ llejla

Aġġornat 06:14 PM

"Diżgustati u urtati" - Għadd ta' MPs tal-PN jitolbu laqgħa urġenti

Dar-Centrali231231231

Read in English.

Minkejja li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li se jkun qed ilaqqa’ lill-Grupp Parlamentari din il-ġimgħa, sorsi kkonfermaw li l-laqgħa ssejħet b’urġenza għal-lum stess. Dan wara li għadd ta’ deputati Nazzjonalisti talbu lis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech kif ukoll lill-Whip Robert Cutajar biex b’mod urġenti jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari wara rapporti fil-midja lokali dwar il-messaġġi ta’ Whatsapp li Delia kellu ma’ Yorgen Fenech.

Kemm Zammit Dimech kif ukoll Cutajar ma weġbux għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt. Cutajar qal li bħala Whip ma jikkummentax fuq materji relatati ma’ laqgħat tal-Grupp Parlamentari. Zammit Dimech qal li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mistenni li joħroġ stqarrija fil-ħin li ġej.

“Nirċievi eluf ta’ messaġġi” – Delia

B’reazzjoni għal dan Adrian Delia qal li se jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari din il-ġimgħa. Fi stqarrija qal li huwa jmexxi t-tieni l-akbar partit politiku f’Malta u għalhekk jirċievi eluf ta’ messaġġi fil-ġimgħa minn tipi differenti ta’ nies jistaqsu għal laqgħat u biex jagħtu l-ideat tagħhom. Huwa saħaq li b’dan kollu ma jagħmlux ħabib jew jaf lil dawn in-nies kollha.

Delia staqsa għalfejn din kienet l-unika chat li kienet ippubblikata filwaqt li oħrajn tħallew barra fosthom dawk bejn Fenech, Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Dwar l-allegazzjoni li Fenech offra €50,000 lilu bħala Kap tal-PN huwa ċaħad kategorikament u fakkar fl-affidavit li ħa fil-Qorti. Huwa temm din l-istqarrija bl-Ingliż billi qal li waqt li qed jikteb l-istqarrija għad hemm eks-Ministru u eks-Chief of Staff li qed igawdu l-vaganzi tas-sajf minkejja li nqabdu bi struttura finanzjarja li permezz tagħha kienu se jiġbru €5,000 kuljum mill-ftehimiet korrotti.

F’intervista fuq NET FM dalgħodu, Adrian Delia qal li l-Gvern qed jipprova jbeżżgħu u jirrikattah biex jien ma jaġixxix kontra l-korruzzjoni. L-intervista bdiet kemmxejn tard hekk kif dalgħodu ġew żvelati dettalji ta’ messaġġi li Yorgen Fenech u Adrian Delia kellhom fuq Whatsapp. Fir-rappurtaġġ fuq Times of Malta, Adrian Delia jidher li qal lil Fenech li kellu jkun Pierre Portelli li jorganizza ikla bejniethom. Dak iż-żmien kien diġà magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Aktar minn terz riedu li jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li l-għadd ta’ deputati li talbu għal-laqgħa urġenti huwa ogħla minn terz tal-membri li huwa l-għadd ta’ membri parlamentari Nazzjonalisti li flimkien jistgħu jitolbu li tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari.

Sa issa għadu mhux magħruf l-għadd ta’ deputati li talbu biex jiltaqgħu mal-Kap Nazzjonalista b’mod urġenti iżda rapporti qalu li hemm mal-20 deputat li talbu dan.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li uħud kitbu lil Zammit Dimech u lil Cutajar, oħrajn lil Zammit Dimech biss u oħrajn lil Cutajar biss. Dan juri li t-talba tal-MPs kienet aktar reazzjoni spontanja “ta’ protesta u diżgust” milli talba kkordinata.