“Diżgustati” – attivist dwar il-mewt taż-żiemel

Kelliem għall-għaqda Animal Liberation Malta qal li jinsabu totalment diżgustati bil-każ taż-żiemel li miet fil-Furjana llum.

Ma’ Newsbook.com.mt Robert Xuereb Archer qal li huma kompletament kontra kull tip ta’ abbuż tal-annimali. “Li ġara dalgħodu juri ċar daqs il-kristall kemm din it-tradizzjoni tal-karozzini hija krudili għall-annimali” qal Xuereb Archer.

Illum żiemel li kien qed isuq karozzin fit-triq waqa’ mal-art u miet fuq il-post.

Il-kelliem għall-ALM qal li jemmen li żmien il-karozzini spiċċa u spejga li lanqas il-klima ta’ Malta mhi tajba għaż-żwiemel. “Tradizzjoni mhix skuża għall-abbuż tal-annimali” qal il-kelliem.  Spjega li x-xemx taħraq il-ġilda taż-żwiemel u qal li t-tarmak fit-toroq jagħmel il-ħsara liż-żwiemel. Xuereb Archer qal li hemm ukoll kwistjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tan-nies u għall-vetturi tagħhom.

Fi kliem Xuereb Archer, mhux minnu li jekk jitneħħew il-karozzini ż-żwiemel se jispiċċaw il-biċċerija. Qal li dawn se jispiċċaw għand nies li veru jkunu jridu jieħdu ħsiebhom.

Nhar is-Sibt se ssir protesta kontra l-karozzini taż-żwiemel li joperaw fit-toroq Maltin u Għawdxin.