“Diżgustanti li l-Parlament irid iħares kuntratt abbużiv ta’ €80,000” – Repubblika

Read in English.

Repubblika sostniet kemm hi diżgustata li l-Parlament irid jibqa’ jħares kuntratt abbużiv ta’ €80,000 fis-sena lil Konrad Mizzi minħabba li Dr Joseph Muscat irriżenja mill-Parlament.

Fi stqarrija, Repubblika ikkritikat id-deċiżjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li l-Parlament ma jista’ jagħmel xejn dwar il-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, Dr George Hyzler, sab lil Muscat ħati li kiser il-liġi u Kodiċi ta’ Etika. Dan għaliex Muscat laħaq irriżenja, u l-Ispeaker ta ruling li l-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma jistgħax jinvestiga eks-MP.

Fir-ruling tiegħu, qal li Joseph Muscat issa ma jistax jiġi mistoqsi mill-kumitat dwar ir-rwol tiegħu fil-kuntratt li ngħata Konrad Mizzi bħala konsulent tal-Ministeru għat-Turiżmu wara li rriżenja minn ministru.

L-istess rapport jgħid li Gavin Gulia u Johann Buttigieg “naqsu mir-responsabbiltà tagħhom”.

Repubblika kompliet tgħid li din ir-ruling hija inkwetanti għax huwa ħolqa waħda minn “katina ta’ impunità protetta mill-Parlament”. Żewġ eżempji jinkludu:

  • L-Awditur Ġenerali, uffiċjal tal-Parlament, sab li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għadda b’mod irregolari l-art tal-ITS ġewwa Pembroke lid-DB Group. Id-DB Group reġa’ daħħal pjanti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex jagħmel il-miljuni minn din l-art.
  • Il-Parlament qatt ma ddiskuta rapport finali u rakkomandazzjonijiet finali tal-Ombudsman li l-Gvern ma jkunx ta każhom. 

Repubblika ikkonkludiet billi qalet li trid tagħti l-kontribut tagħha għar-riforma tal-Parlament Malti. Għalhekk, se tkun qed tippubblika għadd ta’ riflessjonijiet u proposti.