Diżastru naturali ieħor jolqot il-Filippini

Parti mill-ħerba li ħalliet it-tempesta "Usman" fil-Filippini

Diversi nħawi tad-dinja qed ikompli jintlaqtu minn diżastri naturali bl-aħħar wieħed iseħħ nhar is-Sibt li għadda fil-Filippini fejn tempesta tropikali ħalliet nies mejta u oħrajn mingħajr dar, fir-reġjuni ta’ Visayas u Bricol.

Aġenziji Kattoliċi li jgħinu meta jseħħu fenomeni simili fosthom il-Caritas, bdew ħidma intensiva biex jgħinu lill-eluf ta’ vittmi, permezz ta’ ikel, ħwejjeġ u ħtiġijiet oħra neċessarji fosthom kutri.

Skont il-Gazzetta Daily Telegraph, issa kienu rappurtati mejta 85 persuna u 20 oħra li huma nieqsa filwaqt li l-Aġenzija Filippina tad-Diżastri qalet li dawn in-numri jistgħu jikbru għax mhux il-postijiet kollha milquta mill-maltemp kienu milħuqa.

Ix-xita qawwija li laqtet dawn il-postijiet rattbet il-ħamrija fuq il-muntanji u kkaġunat ċaqlieq fl-art u għargħar kbir.

Billi l-maltempata imlaqqma “Usman” ma kenitx meqjusa bħala waħda qawwija mis-sistema nazzjonali tal-allert, in-nies ma ħadux prekawzjonijiet u nqabdu mill-effetti tagħha. Il-maltemp kisser ħafna infrastruttura u madwar 40,000 persuna kellhom iħallu djarhom milquta mill-maltemp biex ifittxu kenn f’postijiet oħra.

Il-Filippini hu wieħed mill-aktar pajjiżi esposti għal dan it-tip ta’ diżastri naturali.   Fil-fatt hu kalkulat li madwar 20 tempesta tropikali jolqtu dan il-pajjiż kull sena u jħallu ħafna mwiet, ferimenti u nies bla dar. L-agħar tempesta li laqtet il-Filippini kienet dik tal-2013 li baqgħet magħrufa bħala Typhoon Haiyan, meta aktar minn 7,000 pesuna kienu tilfu ħajjithom u miljuni oħra sofrew b’mod oħra.

Sadattant, nhar l-Erbgħa li għadda, l-Papa Franġisku ħatar lil Fr Rx Andrew Alarcon bħala Isqof ġdid għad-djoċesi ta’ Daet, fil-Filippini.

L-Isqof Alarcon li għandu 48 sena, studja t-teoloġija f’Manila u kiseb Liċenzjat fl-Istorja tal-Knisja mill-Universita’ Pontifiċja Greogorjana ta’ Ruma.  Hu kien ordnat saċerdot fl-1966 u qeda diversi karigi fil-qasam tal-Edukazzjoni Kattolika.

Id-djoċesi ta’ Deat kien ilha mingħajr Isqof minn Frar tal-2017.