Diżappuntati li l-Baġit nesa l-apparat li jikkontrolla d-dijabete

L-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete hija diżappuntata li l-Baġit tas-sena d-dieħla ma inkludiex l-introduzzjoni tal-apparat Continuous Glucose Monitoring (GCM). Dan l-apparat jista’ jgħin lill-persuni li jbatu mid-dijabete biex jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-kundizzjoni tagħhom.

Fi stqarrija l-Għaqda qalet li sfortunatament il-persuni li jbatu bid-dijabete jew il-ġenituri tagħhom qed iħallsu ammonti kbar ta’ flus minn buthom biex jixtru dan l-apparat neċessarju minħabba li dan għadu mhux qed jiġi provdut mid-Dipartiment tas-Saħħa. Dan kollu qed ikun ta’ piż finanzjarju kbir għal dawn il-persuni.

L-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete tirrikonoxxi l-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin relatati mal-kundizzjoni tad-dijabete u tappella lill-Gvern biex jagħti prijorità lil din il-kundizzjoni fl-aġenda nazzjonali tas-saħħa bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete li kienet varata ftit tas-snin ilu.