Diżabbilità permanenti ta’ 4%; kumpens ta’ €14,000

FIMBank plc ġie ordnat iħallas kumpens ta’ €14,052 lil uffiċjal tas-sigurtà wara li waqa’ u weġġa’ f’sit tal-kostruzzjoni tal-bank f’San Ġiljan. Dan hekk kif ġie vverifikat li sofra  diżabbilità permanenti ta’ 4%.

Il-Qorti semgħet kif seba’ snin ilu, l-uffiċjal kien preżenti fuq is-sit ta-kostruzzjoni b’ħafna ġebel jiġri mal-art, u ħofra ta’ żewġ sulari fond mgħottija biss b’injama rqiqa. Huwa qal li ħin minnhom tfixkel fit-terrapien u waqa’, b’konsegwenza li weġġa’ spalltu. L-espert mediku tal-Qorti kkonkluda li l-uffiċjal sofra diżabbilità permanenti ta’ 4%, hekk kif spalltu baqgħet tuġgħu minkejja mediċina u terapija.

Minn naħa tiegħu, il-bank FIMBank sostna li ma kellux jinżamm responsabbli hekk kif il-ħaddiem kien impjegat ma’ kumpanija oħra. Apparti minn hekk, il-bank qabbad kumpanija apposta biex tieħu ħsieb is-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tal-kostruzzjoni.

Il-Qorti sostniet li r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-ħaddiema taqa’ fuq min iħaddem u s-sid tas-sit. Barra minn hekk, il-Qorti qalet li ma saritx evalwazzjoni tar-riskju fil-post fejn intbagħat jaħdem, u li l-art kienet tranġat biss wara li seħħ l-inċident.

B’hekk, FIMBank ġie ordnat iħallas kumpens ta’ €14,052.