Division 7 mil-lejla kuljum, mill-bidunett

Hekk kif ħafna huma dawk li qed jistennew li minn Ottubru jibda jixxandar it-tmien u l-aħħar staġun tas-sensiela Division 7, l-istazzjon One mil-lejla se jibda jxandar din is-sensiela mill-bidunett. Mit-Tnejn sal-Ħadd fl-10.15pm se tixxandar puntata kuljum biex b’hekk jintwerew wara xulxin is-96 puntata li s’issa xxandru tul is-seba’ staġuni li DBA Entertainment ipproduċew f’dawn l-aħħar snin.

It-Tnejn 6 ta’ Lulju

Fl-ewwel episodju mill-ewwel staġun li se jkun qed jerġa jibda jixxandar mil-lum se niltaqgħu ma’ Amir u Hassan, żewġt karattri nofshom Libjani u nofshom Maltin. Se niskopru x’tip ta’ ħajja jgħixu Malta u x-xogħol li jagħmlu. L-ispettur Matthew Schembri, huwa karattru ieħor li se jdaħħalna mill-ewwel fil-ħajja privata tieghu u dik tax-xogħol impenjattiv li għandu. F’Division 7, id-diviżjoni fil-ħabs tan-nisa, se naraw lil Fr Rene mal-priġunieri, għaliex se jkun qiegħed hemm? Roderick, li jaħdem full-time ġewwa razzett, għandu wkoll part-time job, job li għalkemm joħodlu inqas minn ħinu, iqallgħu kemxa flus mhux ħażin.

It-Tlieta 7 ta’ Lulju

Julia tgħix id-dar ma’ Amir, fejn naraw li jieħu ħsiebha b’għaqal u mħabba kbira, minħabba l-kundizzjoni li tinsab fiha. X’ġara fil-passat ta’ Julia? Għaliex tinsab fuq is-siġġu tar-roti? U għaliex għal binha Hassan, Julia hija persuna mejta? Matthew u t-tim tiegħu se jlaqqgħuna mal-ewwel każ li se jkunu qed jaħdmu fuqu. X’qed jiġri f’Division 7? Il-priġunieri ma tantx jidhru li għandhom relazzjoni tajba mal-gwardjani. Għaliex? Il-gwardjani qegħdin jagħmlu xogħlhom kif suppost? Jew il-priġunieri stess qed iġibu ruhom ħażin?

L-Erbgħa 8 ta’ Lulju

Xi ħaġa fil-passat ta’ Matthew marbuta mal-eks mara tiegħu, qed twasslu biex ikollu attakki ta’ paniku u tormenti kontinwi, li jtellfuh milli jikkonċentra f’xogħolu. Għaliex, meta jaħseb fiha jispiċċa f’dan l-istat? U x’ġara m’ommu? Għaliex Martina qaltlu biex jirranġa l-affarijiet magħha? Hassan jittratta ħażin lil martu Samira. Għaliex? U xi żball għamel fil-passat, li Amir ma jistax jinsa? Għaliex Amir suppost ma jafdahx lil ħuh? F’Division 7 se niskopru l-istorja ta’ waħda mill-priġunieri u għalfejn spiċċat maqfulha hemm ġew. Min se tkun? Sarah tkompli tistaqsi dwar ommha, li qegħda msiefra fuq studju. Troy jaqla’ copy l-iskola, għaliex? X’għamel ħażin?

Il-Ħamis 9 ta’ Lulju

X’qegdħa tikteb Maya mal-ħajt taċ-ċella tagħha? Xi jfissru dawk il ‘quotes’? Magħha kien hemm priġuniera oħra qabel ġiet trasferita f’ċella oħra. Min kienet? U għaliex tneħħiet min magħha? Ir-raid li għamlu l-Pulizija fuq Mahmoud, x’konsegwenzi se jkollu fuq il-‘business’ ta’ Hassan u Amir? U l-Vleġġa min hu? Kif irnexxielu Amir jiskopri kollox dwar il-ħajja privata tiegħu? Se taċċetta Miss Buhagiar li Troy m’għamilx il copy għax missieru qallu biex ma jagħmiliex? Fr. Rene u ommu Doris jafu lil waħda mil-priġunieri, liema waħda? U kif jafuha?

Il-Ġimgħa 10 ta’ Lulju

Min hi l-persuna li Amy ċemplet u rreferiet għaliha bħala s-sabieħa tagħha? U x’qedgħa tagħmel bihom il-flus li qedgħa taħbi ġol-brush? Fr.Rene jitkellem ftit m’ommu dwar is-sessions tal-ħabs u jgħidilha bl-istorja ta’ Maryanne. X’għandu f’moħħu li jagħmel Fr.Rene? Chris jgħid lil Matthew li Mahmoud iddeċieda li jgħinhom, huwa minnhu dan? U jekk iva, fhiex se jgħinhom? Se jagħti lil Matthew dik l-informazzjoni li tant ilu jiġri warajha? Amir ħeba il-mobile ta’ Hassan fil-kexxun tal-garage tiegħu, għaliex lil Hassan qallu li ramieh? Xi skop għandu f’moħħu? U għaliex qed imur daqshekk spiss fil-garage waħdu?

Is-Sibt 11 ta’ Lulju

Troy jispiċċa jeħel copy doppja, għaliex Miss Buhagiar ma taċċettax il-fatt li missieru qallu biex ma jgħamilhiex. Għaliex Miss Buhagiar hija daqshekk ħarxa mal-istudenti? Jista’ jkun għax għandha xi problemi personali u qed tiżvoga fit-tfal? Jew għandha xi antipatija għal Troy? Min sparalu lil Mahmoud? U min spara, l-għan tiegħu kien li joqtlu jew li jbeżżgħu? Forsi kien xi messaġġ għall-ispettur għax qed ideffes wisq imnieħru fejn ma jesgħux? Kif se joħduha Amir u Hassan l-aħbar ta’ din l-isparatura? Diane tkompli tipprova titkellem ma’ Maya. Se jirnexxielha tikkonvinċiha titkellem u tiftaħ qalbha magħha? Diane hija persuna ġenwina? Jew għandha xi skop sekondarju f’moħħha? 

Il-Ħadd 12 ta’ Lulju

Fr Rene jidher li sejjer tajjeb ħafna mal-priġunieri, dan jidher sew fis-sessjoni li ser narawh magħhom fejn se jtihom iċ-ċans li jgħaddu siegħa jidħqu u jiċċajtaw ma’ xulxin, xi ħaġa li żgur tgħaqqadhom u tkabbar il-bond li hemm bejniethom. F’dak li jirrigwarda il-ħajja ta’ Julia għadna qed niskopru x’ġara fil-passat tagħha, fejn qed ikompli joħroġ il-fatt li Ali kien jippreferi ħafna aktar lil Hassan milli lill-Amir, għaliex? Matthew u t-tim tiegħu marru fuq il-post jinvestigaw il-qtil ta Mahmoud, x’ser isibu?