Diversi timijiet b’għan wieħed

Fi tmiem din il-ġimgħa, diversi timijiet se jagħmlu minn kollox biex jirbħu u jsibu posthom fiċ-Championship Pool.

Illum ikollna programm mimli b’erba’ logħbiet, tnejn fil-Hibernians Stadium f’Kordin u tnejn fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun.

Fis-2pm ġewwa l-Hibernians Stadium, Tarxien Rainbows u Vittoriosa Stars se jfittxu li jieħdu l-punti neċessarji biex jitilgħu ‘l fuq fil-klassifika.

Tarxien ma rebħux dawn l-aħħar ħames logħbiet għax kulma ħadu kien dro kontra Sliema Wanderers.

Minn naħa l-oħra Vittoriosa tilfu sitta mill-aħħar seba’ logħbiet li kellhom.

Fl-istess ħin imma fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun, Floriana jilgħabu kontra Balzan.

Floriana li għadhom ġejjin minn telfa devastanti kontra Birkirkara, iridu jirbħu biex jibqgħu fit-tellieqa tagħhom għas-sitt post.

Balzan bħalissa qegħdin ħames punti wara Floriana li qegħdin żewġ punti wara l-Mosta u tliet punti wara Naxxar Lions.

Fl-4pm ġewwa l-Hibernians Stadium, Hibernians se jilgħabu kontra Mosta.

Hibernians din il-ġimgħa neħħew lil Rodolfo Soares u Marcelo Dias li ngħaqdu b’self mat-tim ta’ Al-Ahed fil-Libanu, b’self sal-aħħar tal-istaġun.

Mosta minkejja li qegħdin fis-sitt post, iridu joqgħodu attenti għax hemm Floriana u Naxxar li qegħdin għassa għalihom.

Fl-aħħarnett fl-4pm fil-Victor Tedesco Stadium, Naxxar Lions jilgħabu kontra Rabat Ajax.

Naxxar Lions dan l-aħħar kellhom wirjiet pożittivi ħafna u qegħdin fil-ħames post.

Rabat li qegħdin fil-qiegħ, qed ifittxu plejers li kapaċi jieħdu post Moises Avila Perez u Clifford Gauci.