​“Diversi mexxejja jqisu biss il-ġid fl-immedjat” – Dr Von Brockdorff

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija Dr Philip Von Brockdorff qal li jittama li kulħadd jitgħallem mill-iżbalji li qed isiru minn diversi mexxejja dinjija, li jqisu biss il-ġid fl-immedjat.
Huwa qal dan fid-diskors tal-gradwazzjoni tal-Masters fil-Business Administration fl-Università ta’ Malta, fejn sostna li għandna nisfidaw il-kunċett ekonomiku li “iktar huwa aħjar”.
Hawnhekk semma kif dawk il-persuni li baqgħu ma sabu l-ebda impjieg sa 55 sena, allura mhumiex kapaċi jaddattaw ruħhom għad-dinja tax-xogħol. Fl-istess waqt, qal li huwa iktar faċli għal min iħaddem, jimpjega ħaddiema iżgħar u barranin.
Żied jgħid li s-soċjetà llum lanqas mhi qed tagħti każ li t-tfal m’għandhomx ambjent nadif u sigur fejn jilgħabu, sakemm iqattgħu ħinhom fuq it-tablet.
Dr Von Brockdorff kompla jgħid li l-interessi individwali minflok il-ġid komuni huwa dak li sfrutta diversi ħaddiema matul is-sekli. 
Dan wassal biex kellhom jiddaħħlu diversi regolamenti biex jikkontrollaw l-oqsma fosthom is-settur finanzjarju. 
Tkellem dwar it-tentazzjoni li jkun hemm ħelsien totali mit-trejd unjins, mir-regolamenati u mit-taxxi iżda qal li jekk jiġri dan, ikun hemm prezz qares li jkollu jitħallas mill-ekonomija.