Diversi inizjattivi ta’ titjib fil-park ta’ Wied il-Għajn

Il-Ministru għall-Ambjent, Leo Brincat, żar il-park tal-familja f’Wied il-Għajn li dan l-aħħar saru diversi xogħlijiet fuqu.
Tqiegħed turf artifiċjali fi play area li qabel kellha art perikoluża, fuq pariri tal-veterinarji sar titjib fl-istalel, u titjib ġenerali fiż-żona tal-madwar.
Inbnew ukoll faċilitajiet sanitarji xierqa li jinkludu kamra fejn wieħed jista’ jbiddel il-ħrieqi u faċilità sanitarja apposta għal persuni b’diżabilità.
Tħawlu wkoll 100 siġra u fil-qrib se jitħawlu 200 oħra bħala estensjoni għall-inħawi 34U.
Il-Ministru spjega li wara l-vandaliżmu eċċessiv f’dan il-park, se jitwaħħlu kameras tas-sigurtà li se jitħaddmu 24 siegħa kuljum.
Ħabbar ukoll li se jiżdiedu faċilitajiet fil-park, li se jkunu mmexxija mill-privat b’kirjiet kummerċjali, u li se jkunu b’żieda mal-faċilitajiet eżistenti li se jibqgħu b’xejn.
Ħabbar ukoll li l-Ministeru għall-Ambjent qed jeżamina għadd ta’ siti għall-afforestazzjoni, b’konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Artijiet. 
Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill