Diversi eks Ministri ma jiġux eletti għall-Parlament il-ġdid

Hekk kif intemm l-għadd tal-voti, diversi membri parlamentari, kandidati ġodda prominenti u saħansitra eks ministri ma rnexxielhomx ikunu parti minn dan il-parlament.

L-ammont ta’ nisa eletti fil-parlament baqa’ wieħed baxx anke għaliex żewġ kandidati ewlenin, Deborah Schembri (PL) u Claudette Buttigieg (PN), ma ġewx eletti.

Li wieħed ikun serva ta’ ministru fis-snin li għaddew, ma jfissirx li se jkollok siġġu garantit. Dan hu l-każ ta’ Carmelo Mifsud Bonnici, Ċensu Galea, Charles Mangion, Gavin Gulia, Noel Farrugia u Joe Debono Grech.

Membri Parlamentari oħra li ma ġewx eletti jinkludu l-eks sindku tal-Ħamrun Luciano Busuttil, l-iżgħar deputat tal-gvern fl-aħħar leġislatura Karl Gouder, il-Professur Anthony Zammit, Edwin Vassallo, Philip Mifsud, Charlo Bonnici, Chris Agius, Gino Cauchi u Frederick Mifsud.

Michael Axiak, id-deputat li tela ftit jiem biss qabel ma tħabbret l-elezzjoni, ukoll ma ġiex elett.

Għadu mhux magħruf min se jokkupa l-erbgħa siġġijiet żejda allokati għall-Partit Nazzjonalista.