Diversi arrestati b’rabta mat-terroriżmu fi 3 pajjiżi Ewropej

13-il persuna fi tliet pajjiżi Ewropej ġew arrestati b’suspett li jiffurmaw parti minn netwerk internazzjonali ta’ terroristi.
Erba’ persuni oħra huma mfittxija mill-Pulizija Ewropea imma aktarx jinsabu fis-Sirja jew l-Iraq.
B’kollox ġew arrestati 6 fl-Italja, 4 fir-Renju Unit u 3 fin-Norveġja, akkużati li riedu jilliberaw lil Mullah Krekar, il-fundatur u mexxej tal-grupp radikali Iżlamista Ansar al-Islam, li kien qed jagħtihom l-ordnijiet mill-ħabs fejn jinsab fin-Norveġja.
Huma akkużati wkoll li ppruvaw jagħmlu attakki fin-Norveġja stess u f’pajjiżi oħra Ewropej.
Krekar kien wasal fin-Norveġja fl-1991 bħala refuġjat u hu meqjus il-fundatur ta’ Ansar al-Islam għalkemm ipprova kemm-il darba jitbiegħed mill-grupp.
In-Norveġja ilha tipprova tiddeportah mill-2003, minħabba biża’ ta’ theddid nazzjonali, imma ma tistax tibgħatu lura l-Iraq għax jirriskja l-mewt.
Ilu l-ħabs mill-2012 u ngħata sentenza oħra din is-sena wara li faħħar l-attakki fuq Charlie Hebdo f’Jannar. Skont l-aġenzija Ansa, dawk imfittxija fl-aħħar rejd huma kollha Kurdi ħlief għal Kosovan.