Diversi affarijiet li r-rapport dwar il-power station ma kkunsidrax – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hemm diversi affarijiet li r-rapport li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) dwar il-power station tal-Electrogas ma ħax in kunsiderazzjoni.

F’kummenti mal-midja llum, Muscat qal li għalkemm huwa aċċettat li kien hemm xi nuqqasijiet tekniċi, l-Awditur ikkonkluda li r-riżultat xorta ma kienx se jinbidel. Qal li l-għażla tal-power station tal-Electrogas kienet l-aktar għażla tajba għal Malta. Fi kliem Muscat, il-kritika tal-Oppożizzjoni hija bbażata fuq kalkoli ħżiena b’diskrepanza ta’ €110 miljun.

Skont Muscat l-Awditur Ġenerali ma inkludiex il-prezz tal-interconnector fl-analiżi tiegħu. Żied jgħid li b’hekk is-somma tnaqqset b’€300 miljun. Qal ukoll li r-rapport ma jikkunsidrax li għall-bidu l-power station kien qed jaħdem f’open cycle. Muscat qal li mhux kontra li r-rapport jiġi diskuss fil-Kumitat tal-Konteijiet Pubbliċi (PAC). Skont Muscat, sar due diligence qawwi u li xhieda ta’ dan huwa l-involviment tal-bank BNP Paribas.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li d-dawl mill-interconnector kien se jkun irħas mid-dawl li qed jiġi mill-power station il-ġdida tal-Electrogas. F’rapport ta’ ‘l fuq minn 500 paġna, l-Awditur Ġenerali sab diversi nuqqasijiet fil-proċess tal-għoti tal-kuntratt lill-Electrogas fl-2013 biex din il-kumpanija setgħet tibda tforni lin-netwerk tal-elettriku Malti bl-enerġija minn power station ġdida taħdem bil-gass. Fi stima konservattiva li ġiet ikkalkulata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika nstab li l-enerġija ġġenerata mill-power station tal-Electrogas tiswa medja ta’ €50.64 iktar għal kull unit li jasal mill-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija. Fir-rapport tiegħu, l-Awditur Ġenerali qal li l-varjanza “konservattiva” ma kkalkulatx l-ispejjeż tal-Enemalta biex intlaħaq il-ftehim u lanqas l-ispejjeż kapitali biex inbena l-interconnector.