Ditta legali waħda b’direct order mill-OPM

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

Ditta legali waħda, Dalli Advocates, irċeviet direct order minn entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru minn meta Robert Abela beda jokkupa l-kariga.

Dan it-tagħrif ħareġ minn informazzjoni li tressqet fil-Parlament bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Azzopardi staqsa lill-PM biex jelenka l-konsulenzi legali kollha li rċivew direct orders mill-OPM minn Marzu tal-2013 sa Jannar tal-2020.

Fil-Parlament, il-Prim Ministru kkonferma li Dalli Advocates irċeviet direct order ta’ €2,970 mill-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali, li ġie stabbilit biex jimmaniġġja proporzjon tal-fondi li jidħlu mill-iskema kontroversjali tal-bejgħ tal-passaporti.

Id-ditta legali titmexxa minn Veronique Dalli, oħt il-Membru Parlamentari Miriam Dalli.

Il-Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali kien ħareġ ħafna aktar direct orders taħt il-predeċessur ta’ Abela, Joseph Muscat. Id-ditta legali Camilleri Preziosi Advocates kienet irċiviet direct order ta’ €50,000 fl-2018 għal servizzi legali, u oħra ta’ €26,769 għal servizzi professjonali.

Dik is-sena, Dr Veronique Dalli u l-Ministru Edward Zammit Lewis, li dak iż-żmien kien Membru Parlamentari, kienu ngħataw direct order konġunta ta’ €12,510, għalkemm Zammit Lewis ħareġ minn din il-konsulenza meta Muscat għamlu Ministru tal-Affarijiet Barranin fl-2019.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Prim Ministru qal ukoll li entità oħra tal-OPM, Servizz.gov, tat direct orders lil ditta legali oħra bejn l-2017 u l-2019.

Id-ditta legali SZA, li dak iż-żmien kienet titmexxa mill-Membru Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi, illum Segretarju Parlamentari, kienet ingħatat direct order ta’ €289.10 fl-2017, oħra ta’ €1,073.80 is-sena ta’ wara u oħra ta’ €3,510.50 fl-2019.

It-tweġiba ta’ Abela teskludi l-appuntar ta’ konsulent legali għal Joseph Muscat, Abela nnifsu. Hu pprovda lil Muscat u l-Kabinett tiegħu b’servizzi legali bejn Ġunju tal-2017 u Jannar tal-2020, għalkemm dejjem saħaq li hu ma rċieva l-ebda ħlas għal dan.