“Disprezz lejn kliem li jiżra’ l-mibegħda” – L-Isqof Awżiljarju

Kurja – knisja.mt/ritratti

”Bi kliemkom u b’għemilkom tibżgħux tkunu favur il-ħajja; ulied uliedkom dan jippretendu mingħandkom” qal l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fl-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa Pontifikali ċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta fl-okkażjoni ta’ Jum it-Tifkira li jfakkar il-vittmi tal-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija.

Huwa żied jgħid li għandna nuru disprezz lejn kliem li b’xi mod inissel antagoniżmu jew jiżra’ ż-żerriegħa tal-mibegħda. Huwa kompla jgħid li jrid itenni “b’qawwa l-messaġġ tal-Knisja f’Malta, li turih bl-azzjoni u bil-fatti u b’mod konsistenti, favur l-għożża ta’ kull ħajja umana, għax ilkoll maħluqin xbieha ta’ Alla.”

Fl-istess omelija fakkar li dawn in-nies iddefendew lil pajjiżhom b’sens kbir ta’ solidarjetà, kuraġġ u sagrifiċċju. Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li l-paċi tkun mibnija fuq il-ġustizzja, l-onestà u l-verità kif ukoll li l-paċi trid tibda mill-qalb.

Ma nitilfux il-memorja

L-Isqof Awżiljarju enfasizza li huwa importanti li ma nitilfux il-memorja ta’ dak li ġara f’dawn il-gwerer. Spjega li l-Papa Franġisku fl-omelija tiegħu waqt il-quddiesa fit-Tifkirta tal-Mejtin Kollha, qal li l-memorja ssaħħaħ poplu. Kompla li, ‘il-memorja turina li m’aħniex waħdina, aħna poplu: poplu li għandu storja, li għandu passat, li għandu ħajja’. Fakkar li wieħed ma jridx iħares lejn dak li ġara b’mibegħda iżda bħala sens ta’ tagħlim.

L-għożża tal-ħajja

Fit-tieni messaġġ tiegħu l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi enfasizza l-għożża tal-ħajja. Huwa għamel referenza għal dawk il-familji li permezz ta’ xi gwerra tilfu lil xi ħadd importanti f’ħajjithom. Fakkar ukoll l-importanza li wieħed għandu jgħożż il-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha u kull ħajja hija importanti, ma tagħmilx differenza minn fejn hu ġej il-persuna.

L-Isqof Awżiljarju qal li m’hemm ebda ħajja umana ta’ min jiddisprezzaha. Żied jgħid li “id-disprezz tagħna għandu jmur lejn dak il-kliem li b’xi mod inissel antagoniżmu jew jiżra’ ż-żerriegħa tal-mibegħda, dak il-kliem li ma jirrispettax kull ħajja umana.”

Paċi mibnija fuq il-ġustizzja, l-onestà u l-verità

Mons. Galea-Curmi saħaq li huwa importanti li wieħed jagħmel għażliet li jnisslu l-paċi u mhux il-mibegħda. Żied li kull gwerra ġġib mewt u tbatija.

“Jekk nixtiequ tassew li ngawdu l-paċi, jeħtieġ li jkollna fehma sħiħa li nirrispettaw id-dinjità tal-bnedmin l-oħra kollha bħala ħutna u naħdmu għall-ġid komuni.”

L-Isqof Awżiljarju żied jgħid li l-istorja turina li l-paċi trid tinbena fuq il-ġustizzja, l-onestà u l-verità, ”inkella dak li jsir ma jkunx tassew ħidma għall-paċi imma biss paraventu li jgħatti l-ħażin, il-prattiċi korrotti, u jipprova jinnewtralizza lil min il-ħażin isejjaħlu b’ismu.”

Paċi li tibda mill-qalb

Fl-aħħar messaġġ tiegħu l-Isqof Awżiljarju qal li l-paċi trid tiġi minn qalb serena. Semma l-importanza tas-social media fejn wieħed jista’ jxerred l-esperjenzi sbieħ li jkun għadda minnhom iżda wkoll jista’ jxerred il-mibegħda ma’ ħaddieħor.