“Dispjaċir li s-soċjetà tħoss li għandha tfakkar Jum il-Mara”

Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta' Rachel Attard, Editor-in-Chief ta' The Malta Independent.  Dan hu l-messaġġ tagħha:
Nixtieq li dan il-jum m'għandniex għaliex infakkruh, għax m'għandux ikun hemm distinzjoni bejn raġel u mara. Il-fatt li s-soċjetà tal-lum għadha tħoss dan il-bżonn hu ta' dispjaċir, però għandu jgħinna niftakru li diskriminazzjoni fuq bażi ta' sess għadha teżisti f'pajjiżna.
Jien ilni 16-il sena fil-ġurnaliżmu, qasam iddominat mill-irġiel. Fil-bidu ma kinitx faċli, iżda d-determinazzjoni twasslek biex taqbeż kull ostaklu.  
Illum bħala Editor-in-Chief b'sodisfazzjon nista' ngħid li aktar nisa qed jitħajru jieħdu din il-professjoni. Infatti fin-newsroom tal-Independent għandna iktar nisa ġurnalisti milli rġiel. 
Għalkemm għamilna passi kbar fejn jidħlu inċentivi biex ikun hemm aktar ugwaljanza bejn il-mara u raġel, xorta għad baqgħalna meta mqabbla ma' pajjiżi Ewropej speċjalment dawk Skandinavi. 
Għandna bżonn aktar nisa li jpoġġu f'bordijiet, jidħlu fil-politika u fin-negozju.
Il-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali għandu joħloq aktar family friendly measures biex ir-responsabbiltà tal-familja taqa' fuq żewġ ġenituri u mhux tissagrifika ruħha l-mara.


Ritratt: Ian Noel Pace