“Dispjaċir kbir” – l-Isqof Galea-Curmi dwar it-traġedja fil-Mediterran

Francesco Malingri

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi esprima d-dispjaċir kbir tiegħu għal dak li seħħ ilbieraħ fil-Baħar Mediterran viċin il-kosta tat-Tuneżija fejn għerqu mas-70 persuna. Huwa spjega li hija aħbar tassew kerha u ta’ niket.

Huwa ħeġġeġ biex isir talb għall-vittmi u l-familji tagħhom. Ħeġġeġ ukoll biex issir ħidma favur dawk li għandhom ħajjithom mhedda, dawk l-aktar vulnerabbli u dawk li huma f’xi bżonn ta’ għajnuna.

Huwa qal dan waqt li inawgura l-wirja ta’ Caritas Malta.

Aġġornata: AFM tibgħat ajruplan biex jassisti fit-Tuneżija

50 artist għall-50 sena ta’ Caritas f’Malta

Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti

L-Isqof Awżiljarju fetaħ il-wirja ta’ Caritas Malta li qed issir fil-bini tal-Kurja fil-Furjana. 50 artist ingħaqdu flimkien f’wirja li qed tiġi organizzata f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif ta’ Caritas Malta. Fost dawn l-artisti hemm eks klijent li waqt li kien fil-vjaġġ tiegħu ta’ rijabilitazzjoni skopra li għandu dan it-talent tal-arti. L-Isqof Awżiljarju feraħlu u inkoraġġih f’din l-esperjenza.

Fi kliem l-Isqof Awżiljarju, din il-wirja tesprimi l-ġmiel li huwa wieħed mill-iskopijiet tal-Knisja f’Malta. Din hija t-13-il edizzjoni tal-wirja organizzata minn Caritas Malta u l-ewwel waħda saret 15-il sena ilu.

Huwa rringrazzja lill-artisti tax-xogħlijiet tagħhom hekk kif persentaġġ mill-bejgħ tal-arti se jgħaddi b’risq Caritas. Huwa fakkar kif Caritas isservi lis-soċjetà b’ħafna servizzi bla ħlas. Spjega li ħidma li Caritas tagħmel f’isem il-Knisja f’Malta hi ħidma b’risq kull bniedem u d-dinjità tiegħu u tagħha.