Dispjaċir mill-WHO dwar id-deċiżjoni ta’ Trump li jwaqqaf il-fondi

FILE PHOTO:REUTERS/Denis Balibouse

Il-Kap tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa esprima d-dispjaċir tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li qal li l-pajjiż tiegħu mhux se jagħti aktar fondi lill-aġenzija. Hu talab li jkun hawn aktar għaqda fid-dinja kontra l-pandemija l-ġdida tal-coronavirus.

Il-mossa ta’ Trump biex iwaqqaf il-fondi lid-WHO minħabba l-mod li bih l-organizzazzjoni aġixxiet meta faqqgħet l-infezzjoni wasslet għal kritika minn gvernijiet madwar id-dinja, hekk kif l-għadd ta’ infezzjonijiet globali rreġistrati qabeż iż-2 miljuni.

“L-Istati Uniti huwa alleat ġeneruż li ilu jappoġġja lid-WHO għal ħafna snin, u nisperaw li jibqa’ jagħmel dan,” qal Tedros Adhanom Ghebreyesus, id-Direttur Ġenerali tad-WHO, meta tkellem matul konferenza tal-aħbarijiet. “Jiddispjaċina bid-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti li waqqaf il-finanzjament lid-WHO.”

Hu qal li l-prestazzjoni tal-aġenzija matul il-kriżi se tiġi vvalutata aktar tard, kif jiġri kull meta jkun hemm avvenimenti bħal dawn.

“Meta jkun il-waqt, il-prestazzjoni tad-WHO matul il-pandemija se tkun riveduta mill-Istati Membri tad-WHO u mill-korpi indipendenti li jaħdmu flimkien biex jiżguraw it-trasparenza u r-responsabilità tal-aġenzija,” kompla jgħid.

Żied jgħid li d-WHO tgħin ukoll lill-komunitajiet l-aktar foqra fid-dinja u taħdem ma’ persuni morda bil-poljo, bil-ħosba, bil-malarja, bl-Ebola, bl-HIV, bit-tuberkolożi, lil dawk li qed ibatu minn malnutrizzjoni, min hu marid bil-kanċer, bid-dijabete, u oħrajn.

L-Istati Uniti hija l-akbar kontributur ta’ fondi lid-WHO, u tat aktar minn $400 miljun fl-2019, madwar 15% tal-baġit tal-aġenzija.

Tedros kompla jgħid: “Id-WHO qed tirrevedi l-impatt li dan l-irtirar tal-fondi mill-Istati Uniti se jkollu fuq il-ħidma tagħna, u qed naħdmu mal-imsieħba tagħna biex nindirizzaw kwalunkwe nuqqas finanzjarju li nistgħu naffaċċjaw u biex niżguraw li l-ħidma tagħna tkompli mingħajr waqfien.”

Imma issa huwa l-waqt li d-dinja tingħaqad flimkien kontra din il-pandemija, li huwa ddeskriva bħala “għadu perikoluż”.

Dr. Mike Ryan, l-espert ewlieni fl-emerġenzi tad-WHO, qal “Aħna qed niffukaw l-isforzi kollha tagħna biex inwaqqfu l-virus u nsalvaw il-ħajjiet ta’ ħafna nies.”

Trump qal li d-WHO kienet sostniet ‘diżinformazzjoni’ miċ-Ċina dwar il-virus, li probabbilment wassal għal firxa aktar qawwija. Hu qal li d-WHO ma kinitx investigat rapporti kredibbli minn sorsi mill-provinċja ta’ Wuhan fiċ-Ċina li kienu jikkontradixxu r-rapporti ta’ Beijing dwar il-firxa tal-coronavirus, u li l-aġenzija “irrepetiet bħall-pappagall u pubblikament sostniet” l-idea li ma kienx hemm trasmissjoni tal-marda bejn il-bnedmin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn