Disney World se jerġa’ jiftaħ, iżda…

Fil-11 ta’ Lulju Disney World f’Orlando, fi Florida, fl-Istati Uniti hu mistenni li jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu, iżda se jkunu bosta r-restrizzjonijiet li se jkunu imposta, għallinqas fl-ewwel xhur.

Bosta huma l-miżuri kif ukoll restrizzjonijiet li se jkunu qed jiġu implimentati fosthom li kull min iżur dan il-post irid ikun liebes maskla waqt li se tkun qed tiġi ċċekjata t-temperatura qabel kull persuna, kemm jekk tkun impjegata, kif ukoll jekk ikun viżitatur, qabel jidħol.

Fl-ewwel ġranet se jkunu qed jinfetħu biss żewġ parks, l-Animal Kingdom u l-Magic Kingdom filwaqt li fil-ġranet ta’ wara jkun imiss l-Epcot u l-Hollywood Studios.

Bħal ma hu mistenni, id-distanza soċjali se tkun qed tiġi mħarsa u għaldaqstant se jkun limitat in-numru ta’ persuni li jitħallew jidħlu fl-istess u għaldaqstant se jkun importanti li wieħed jibbukkja minn qabel il-biljett tiegħu.

Skont ma ġie rrappurtat, għalissa Disney World se jkun qed jissospendi l-parati u l-logħob tan-nar kif ukoll mhux se jkun hemm possibbilità li min iżur dan il-post jiltaqa’ mal-karattri popolari ta’ Disney.

Disney World se jkun qed jiftaħ wara li minkejja l-bosta restrizzjonijiet fl-aħħar ġranet fetħu wkoll Disney Springs u Disney Shanghai.