Disney se tkompli tiċċekkja t-temperatura ta’ min iżur il-parks

FILE PHOTO: REUTERS/Gregg Newton

Read in English.

Il-Kumpanija Walt Disney qed tikkunsidra li xorta waħda tibqa’ tiċċekkja t-temperatura ta’ kull min iżur il-parks ta’ divertiment tagħha, meta jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għal pubbliku ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq il-laqgħat f’postijiet pubbliċi. Dan ġie ddikjarat miċ-Chairman Eżekuttiv Bob Iger matul intervista ppublikata nhar it-Tlieta. 

Il-kumpanija qed tqis li b’dan il-mod il-pubbliku jkollu moħħu mistrieħ biex jerġa’ jżur il-parks ta’ Disney, ladarba dawn jerġgħu jitħallew jiftħu mill-ġdid għall-pubbliku, Iger qal lil Barron’s.

“Waħda mill-affarijiet li diġà qed niddiskutu hija li biex nippruvaw nerġgħu lura għan-normal, il-pubbliku jrid iħossu ċert li huwa sikur,” qal Iger. “Parti minn dan is-serħan il-moħħ jista’ jiġi fil-forma ta’ vaċċin kontra l-marda, imma sakemm tasal din irridu naħsbu f’affarijiet aktar bażiċi, aktar kontroll u sorveljanza, u aktar restrizzjonijiet.”

“Hekk kif bħalissa nikkontrollaw il-basket ta’ kull min jidħol fil-parks tagħna, jista’ jkun li fil-futur inżidu wkoll il-ħtieġa li niċċekkjaw it-temperatura ta’ kull min jidħol, bħala element ta’ ssikurezza,” kompla jgħid.

Disney topera diversi parks ta’ divertiment, fosthom Walt Disney World fi Florida u Disneyland f’California, kif ukoll parks oħra fiċ-Ċina, Hong Kong, il-Ġappun u Franza. Dawn bħalissa kollha jinsabu magħluqa sabiex tiġi kkontrollata l-firxa tan-novel coronavirus. Il-kumpanija għadha ma qalitx meta dawn se jerġgħu jiftħu mill-ġdid għall-pubbliku.

Walt Disney World, l-aktar park ta’ divertiment li jżuruh nies fid-dinja, attira madwar 58.4 miljun persuna fl-2018, skont l-Assoċjazzjoni Themed Entertainment.

Iger qal li l-kumpanija Disney qed tistudja l-isforzi taċ-Ċina hekk kif dan il-pajjiż beda jirrilassa l-miżuri ta’ kontroll u n-nies qed jerġgħu jibdew jirritornaw għall-attivitajiet normali tagħhom.

Fiċ-Ċina, “ma tistax titla’ fuq karozza tal-linja jew xi mezz tat-trasport pubbliku ieħor, jew tidħol f’xi bini għoli mingħajr ma jkun hemm xi ħadd li jeħodlok it-temperatura, u jien ċert li dan se jiġi applikat ukoll meta jerġgħu jiftħu l-iskejjel,” qal Iger.