Disney mistennija tkeċċi madwar 28,000 impjegat minħabba l-coronavirus

Il-kumpanija Walt Disney Co ħabbret li misennija tkeċċi madwar 28,000 impjegat, ħafna minnhom mit-theme parks tagħha fl-Istati Uniti, fejn l-għadd ta’ viżitaturi waqa’ b’mod drastiku minħabba l-pandemija tal-coronavirus, speċjalment f’California fejn Disneyland baqgħet magħluqa.

Madwar żewġ terzi ta’ l-impjegati li se jitkeċċew huma ħaddiema part-time qalet il-kumpanija fi stqarrija li għadha kemm ħarġet.

Disney għalqet it-theme parks tagħha madwar id-dinja hekk kif aktar kmieni din is-sena, il-coronavirus bdiet tinfirex. Eventwalment, it-theme parks kollha reġgħu bdew jiftħu, minbarra Disneyland – magħruf bħala l-iżjed post ta’ ferħ fid-dinja, għalkemm fil-postijiet li nfetħu, il-kumpanija kienet sfurzata tillimita l-għadd ta’ viżitaturi sabiex tikkontrolla d-distanza fiżika.

“Kellna nieħdu d-deċiżjoni diffiċli li nibdew il-proċess li nnaqqsu l-ħaddiema tagħna f’diversi setturi tal-kumpanija u f’kull livell,” qal Josh D’Amaro, chairman tal-parks unit, fl-istqarrija.

Huwa rrefera għall-limitu ta’ kemm jistgħu jidħlu nies u għall-inċertezza dwar kemm il-pandemija kienet se ddum fejn skond hu, “is-sitwazzjoni kompliet issir iżjed gravi wara li l-istat ta’ California ma riedx ineħħi  r-restrizzjonijiet li setgħu jippermettu li Disneyland jerġa jiftaħ.”

F’ittra lill-impjegati kollha, D’Amaro rrefera għal din id-deċiżjoni bħala waħda “ta’ qsim il-qalb” filwaqt li saħaq li l-management kien ipprova jevita din is-sitwazzjoni billi jnaqqas l-ispejjeż, jissospendi proġetti u jtejjeb l-operat. Il-kumpanija kompliet tħallas il-benefiċċji ta’ saħħa lill-impjegati minn April.

“Għaldaqstant, ma nistgħux nibqgħu nimpjegaw lill-kulħadd meta’ l-kapaċità ta’ nies li qed nilqgħu hija daqstant limitata,” tenna D’Amaro.

Qabel ma faqqgħet il-pandemija, Walt Disney World fi Florida kienet għadha kemm impjegat 77,000 ħaddiema kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time, filwaqt li Disneyland f’California kienet impjegat 32,000.

Disney ma qalitx kemm se jkun hemm impjegati amerikani qed jaħdmu fil-parks unit tagħha, li jinkludu prodotti għall-konsumatur, cruises u negozju ieħor.

Il-ġimgħa l-oħra, Disney ħeġġet lill-uffiċjali f’California biex jippubblikaw linji ta’ gwida li jippermettu lil Disneyland sabiex tkun tista’ terġa’ tibda tilqa’ viżitaturi ġodda.

Nhar it-Tlieta, Dr. Mark Ghaly, is-segretarju repsonsabbli għas-saħħa qal li l-istat kien qed jitratta s-sitwazzjoni b’mod xjentifiku sabiex “jimminimiżża r-riskji tas-saħħa u dawk ekonomiċi li jiġu kawżati meta jseħħu lockdowns ta’ spiss u b’mod ripetut.”