Diskussjonijiet mal-Gvern għat-tisħiħ ta’ Crisis Resolution Malta

Crisis Resolution Malta, l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum, ħabbar dalgħodu li jinsab f’diskussjonijiet mal-Gvern sabiex is-servizzi b’xejn għal persuni f’riskju ta’ suwiċidju jkomplu jikbru u jissaħħu.

Dr Mark Xuereb, il-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta qal ma’ Newsbook.com.mt li t-tim qed ifittex modi sabiex jaħdem id f’id mal-Gvern biex is-servizz ikompli jitjieb u jinfirex mal-Gżejjer Maltin. Spjega l-importanza li jkun hemm il-Pulizija u anke l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili involuti kemm għax ġieli jkun hemm bżonn li jieħdu passi huma biex isalvaw il-ħajjiet, u kemm biex it-tim ta’ Crisis Resolution Malta jkun jista’ jigwidhom sew dwar kif għandhom jimxu meta jaffaċċjaw każ ta’ suwiċidju.

Crisis Resolution Malta huwa l-unika tim dedikat għal każijiet ta’ suwiċidju, b’tim magħmul totalment minn voluntiera li huma kollha professjonijisti li huma kwalifikati.

Dr Xuereb spjega li eventwalment jixtieq li n-numru li wieħed jista’ jċempel fuqu għas-servizzi ta’ Crisis Resolution Malta jinbidel għal wieħed bi tliet numri bħal dak tal-179. Spjega li l-179 mhux numru dedikat għas-suwiċidju.

Spjega li l-ħolma tiegħu tibqa’ li jkollu biżżejjed riżorsi biex jibni Crisis Team attrezzat b’crisis centre, karozzi u l-apparat kollu neċessarju. Irrimarka li ma jistax jaċċetta li jħalli persuna oħra tweġġa’ jew tmut għalxejn. Dan b’mod speċjali minħabba l-fatt li ta’ kull ġimgħa hemm medja ta’ bejn 8 u 10 persuni li jkollhom ħsibijiet ta’ suwiċidju.

BREAKING Malta and Gozo to nationalise the 24/7 Suicide Crisis LineCrisis Resolution Malta (CRM) is proud to announce…

Posted by Crisis Resolution Malta on Sunday, August 26, 2018

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

  1. Il-burdata tinbidel.
  2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
  3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
  4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.