Diskussjonijiet dwar l-impjiegi f’De La Rue

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ċaħad allegazzjonijiet li qed iberraq għall-ħaddiema tal-ST Microelectronics u sostna li l-Gvern qed jaħdem ma’ De La Rue biex ma jintilfux impjiegi.
Cardona kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari supplimentari tal-Whip Nazzjonalista David Agius.
Cardona qal li l-kumpannija De La Rue qiegħda fil-proċess li torjenta mill-ġdid il-linja ta’ produzzjoni f’Malta għal dokumenti ta’ identità u sigurtà minflok stampar ta’ karti tal-flus. F’Diċembru li għadda, il-kumpanija qalet li dan il-proċess għandu jwassal biex l-impjiegi mal-kumpanija jonqsu b’madwar 300 ruħ. Huwa sostna li l-Gvern flimkien mal-unjins qed jiddiskutu mal-kumpanija biex ikun żgurat li ma jintilfux impjiegi u biex ikunu offruti opportunitajiet ġodda lill-kumpanija biex din tibqa’ f’Malta.
Dwar kumpaniji l-oħra, Cardona qal li l-Gvern isegwi ċ-ċirkustanzi tagħhom mil-qrib u mhux minnu li qed iberraq għall-impjegati tagħhom.