Diskussjonijiet dwar jekk l-UE għandhiex tibgħat armi fis-Sirja

Matul din il-ġimgħa l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea mistennija jiddiskutu jekk għandhomx jibgħatu armi lill-oppożizzjoni fis-Sirja jew le. Dan wara li sett ta’ sanzjonijiet fil-konfront tas-Sirja mistennija jiskadu fil-jiem li ġejjin. Fost dawn is-sanzjonijiet, hemm dik li tipprojbixxi li jintbagħtu għajnuna militari lil dan il-pajjiż. 

Ir-Renju Unit qed targumenta li għandu jingħata widen għat-talbiet tal-oppożizzjoni u r-ribelli. Dawn qed jitolbu l-armi biex ikunu f’pożizzjoni li jikkonfrontaw aħjar lir-reġim ta’ Bashar al-Assad.

Ir-Renju Unit qed jargumenta wkoll li jekk jintbagħtu xi armi lis-Sirja, dan ma jkunx qed itemm il-proċess ta’ paċi iżda jsaħħu, għax b’hekk l-Oppożizzjoni tkun tista tinnegozja aħjar.

Madankollu din il-pożizzjoni tar-Renju Unit mistennija tqajjem oppożizzjoni qawwija minn stati membri oħra. Is-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea bdew f’Mejju 2011 u oriġinarjament kienu japplikaw kemm għall-Gvern ta’ Bashar al-Assad kif ukoll għar-ribelli. Iżda fi Frar li għadda, l-istati membri tal-Unjoni Ewropea laħqu ftehim li għajnuna umanitarja u mhux militari tista tintbagħat.