Id-​diskussjoni dwar xiri taż-żejt aġġornata sine die

Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi aġġorna d-diskussjoni dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta mingħajr ma ngħatat data. Dan sakemm jiġu deċiżi kawżi kostituzzjonali miftuħa minn erba’ xhieda li rrifjutaw jagħtu xhieda quddiem l-istess Kumitat.
Id-deċiżjoni kienet proposta miċ-ċermen tal-Kumitat Jason Azzopardi u maqbula mill-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici.
Azzopardi rrefera għar-ruling tal-Ispeaker li l-Kumitat Parlamentari ma jistax jobbliga xhieda residenti barra minn Malta li jagħtu xhieda quddiemu. Fid-dawl ta’ dan il-Kumitat kien sema' x-xhieda kollha possibbli.
B'kollox, kien hemm 37 xhud li taw ix-xhieda tagħhom. L-Avukat Ġenerali indika li mhux possibbli jagħti x-xhieda tiegħu waqt li erba’ persuni oħra appellaw quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex ma jixhidx quddiem il-Kumitat.
Il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi kellu 47 seduta u mitt siegħa ta’ diskussjoni dwar ir-Rapport tal‑Awditur Ġenerali: An Analysis of the Effectiveness of the Enemalta Corporation’s Fuel Procurement.
L-Oppożizzjoni laqgħet proposta’ ta’ Bonnici li l-Kumitat jinkariga uffiċjal tal-Parlament iħejji ġabra ta’ prattiċi dwar amministrazzjoni tajba li ħarġu minn din id-diskussjoni.